'Ma jagħmilx sens li ngħidu li biex is-saħħa tal-mara tkun tajba noqtlu tarbija fil-ġuf'

L-Arċisqof Charles Scicluna jisħaq li ħadd ma għandu jimponi t-twemmin tiegħu fuq ħadd imma insista li hemm affarijiet li ma jiddependux fuq ir-reliġjoni imma fuq id-dinjità tal-bniedem

L-Arċisqof ta' Malta, Charles Scicluna qal li ma jagħmilx sens l-argument li biex is-saħħa tal-mara tkun tajba, allura tinqatel it-tarbija fil-ġuf. Fi kliemu, anke jekk ħadd ma jista' jimponi t-twemmin ttiegħu fuq ħaddieħor, hemm affarijiet li ma jiddependux fuq ir-reliġjoni imma fuq id-dinjità tal-bniedem.

L-Isqof Scicluna qal dan waqt il-quddiesa ta' kuljum li tixxandar fuq l-istazzjon nazzjonali meta rrifletta fuq l-emenda tal-abort ippreżentata mill-Gvern u li bħalissa qed tkun diskussa mill-Gvern. Il-Knisja u anke diversi tobba, qed iżommu mal-pożizzjoni ta' 80 espert u akkademiku li qed jinsistu li l-emenda kif miktuba hija vaga u se twassal biex l-abort jiddaħħal f'Malta għal kwalunkwe raġuni.

Dawn kollha huma mħassba għax l-emenda ma titkellimx biss fuq it-terminazzjoni tat-tqala meta l-ħajja tal-omm tkun fil-periklu, imma anke meta s-saħħa tagħha tkun f'riskju minħabba mard fiżiku iżda anke mentali.

"Li toqtol tarbija fil-ġuf huwa ħażin mhux għax hekk qal il-Papa jew l-Isqof imma għax hija min-natura tal-bniedem. Ma tistax tgħid li nirrispettalek id-dritt tal-ħajja imma noqtlok meta inti għadek fil-ġuf," qal l-Arċisqof.

Insista li dan ma jagħmilx sens u ma jagħmilx sens lanqas li wieħed jgħid li biex is-saħħa tal-mara tkun tajba mela tinqatel it-tarbija fil-ġuf.

"Immaġinaw ikun hemm xi ġar li tant jagħmillek ħajtek infern li kważi kważi huwa theddida għas-saħħa tiegħi. X'se nagħmel? Noqtlu biex jiena nkun tajjeb għax huwa theddida għal saħħti?" qal l-Arċisqof.

Insista li sa mill-konċepiment hemm il-ħajja.

"Ngħejja nisma' l-kliem kollu possibbli li noħolqu biex ma ngħidux li dak il-grupp ta' ċelloli huwa tarbija fil-ġuf. Min jista' jifhem, ħa jifhem," temm jisħaq l-Arċisqof Scicluna.

B'riflessjoni dwar l-Evanġelju tal-lum, l-Arċisqof ħeġġeġ lil min jemmen biex jibdni "dahr fuq ir-ramel" u dan ifisser li jibni ħajtu skont ir-rieda ta' Alla.

"Alla ma jimpressjonawh il-murtali u l-bandalori," qal l-Arċisqof waqt li kompla jħeġġeġ lill-Insara biex jagħmlu l-għażliet tagħhom bil-għaqal.

Aqra wkoll:

More in Politika