'Mhux biżżejjed ikollna Maġistrat wieħed. Ftaħna l-proċess għal aktar riżorsi u se jkun hemm tlieta' - Robert Abela

Il-Prim Ministru jgħid li mhux se jsir re-shuffle u li hu sodisfatt bil-Kabinett

Il-Prim Ministru Robert Abela fuq il-programm XTRA qal li mhux biżżejjed li jkun hemm Maġistrat wieħed li jara każi ta' vjolenza domestika, speċjalment fid-dawl ta' numru sostanzjali ta' każi pendenti u għaldaqstant jgħid li l-Gvern beda proċess biex il-Qorti jkollha aktar riżorsi u minflok Maġistrat wieħed, ikun hemm tlieta. 

Abela tkellem fuq il-każ ta' Cassar u qali li f'każijiet ta' vjolenza domestika, fejn ikun hemm mewt, qal li dan ifisser li s-sistema falliet, b'xi mod jew ieħor. "Kull sena, dan il-pajjiż jara tliet vittmi ta' femiċidju," qal Abela. 

Proprju fuq hekk il-gazzetta ILLUM tkellmet ma' Dean Hili, Avukat li jitratta każi li jidhru quddiem il-Qorti tal-Familja li sostna illi minkejja titjib konsidrevoli u minkejja Maġistrat li qed taħdem kemm tista' biex tisma' każi, nies li qed jiftħu każ kriminali ta' vjolenza domestika quddiem il-Qorti qed jiġu infurmati li l-każ tagħhom se jibda fl-2024. 

Intant fl-Intervista mal-preżentatur Saviour Balzan, Abela qal li Cassar għamlet dak kollu possibbli biex tipproteġi lilha nnifisha, fost ħafna rapporti u ordni ta' protezzjoni mill-Qorti. Huwa qal li issa l-Inkjesta Maġisterjali, fi żmien tliet ġimgħat, għandha tidentifika n-nuqqasijiet tal-istituzzjonijiet, "kemm jekk hux tal-Pulizija jew tal-Qrati." Żied li hemm bżonn li jiġu implimentati dak li jinstab fl-Inkjesta biex każ bħal dan ma jerġax jirrepeti ruħu. 

"Min-naħa tiegħi, jekk jibqa' jkollna episodji ta' din ix-xorta, anke jekk tkun telfa ta' persuna waħda, bħala soċjetà ma nkunux għamilna biżżejjed," kompla jgħid il-Prim Ministru. 

Intant waqt din l-intervista televiżiva minn Kastilja, Abela u Balzan iddiskutew temi varji inkluż it-trasport tal-massa u s-sostenibilità tal-għajnuniet li qiegħed jagħti l-Gvern biex jilqa' għall-prezzijiet tal-enerġija. Balzan irrimarka li filwaqt li dan huwa pożittiv staqsa jekk hux sostenibbli ekonomikament li wieħed jibqa' jinċentiva għal snin twal. Għal dan Abela wieġeb li l-Gvern se jibqa' jagħti l-għajnuna sakemm l-prezzijiet tal-enerġija jiġu stabilizzati u sadanittant pajjiżna se jkun qed jaħdem fuq l-enerġija rinovabbli, biex tonqos id-dipendenza. 

Lil hinn minn hekk ukoll ġiet diskussa l-ġudikatura, speċjalment dak li għandu x'jaqsam mal-kawża ta' Repubblika fuq l-allegat nuqqas ta' azzjoni min-naħa tal-Kumissarju fuq uffiċjali tal-Bank Pilatus. Huwa saħaq li mhux ġust li Repubblika talbet għall-impeachment tal-Maġistrat Nadine Lia u mhux tal-Maġistrat Spiteri Bailey. Apparti minn hekk huwa qal li kulħadd jagħmel l-iżbalji u sakemm dawn l-istess żbalji jkunu ġenwini huwa se jibqa' jagħti s-sostenn lill-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg - li Repubblika talbet għall-impeachment tagħha wkoll - u tal-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa. 

Huwa elimina wkoll il-possibilità ta' re-shuffle filwaqt li saħaq li huwa kuntent u sodisfatt b'kull persuna fil-kabinett.

'Nerġa' ntenni dak li ressaq il-Gvern, ma jfissirx li se jdaħħal l-abort'

Intant l-intervista misset ukoll mal-emenda li ressaq il-Gvern li t-tabib ikollu l-għażla li jtemm it-tqala fil-każ ta' kumplikazzjonijiet serji li jheddu ħajjet l-omm. Huwa reġa' tenna li dan ma jfissirx li se jiġi legalizzat l-abort f'pajjiżna iżda se jnaqqas ir-riskju li t-tobba u l-ommijiet jaffaċċjaw ċans ta' priġunerija fost oħrajn f'din l-eventwalità. 

Infakkru li ftit sigħat ilu d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne għamel ir-rimarki tiegħu f'sessjoni Parlamentari hekk kif illum immarka t-tieni qari ta' din l-emenda. Huwa rrimarka li din l-emenda se tkun qed toffri serħan il-moħħ lill-ommijiet kollha, inkluż dawk b'mard ordinarju, rari u anke dawk b'kundizzjonijiet ta' saħħa mentali. 

More in Politika