L-Istat jisħaq li Prudente qatt ma kienet fil-periklu tal-mewt meta riedet ittemm it-tqala f'Malta

Il-każ seħħ f’Ġunju li għadda meta Prudente bdiet titlef ħafna demm u t-tobba qalulha li t-tqala ma kinitx se tirnexxi iżda hi kellha tmur Spanja biex ittemm it-tqala għax it-tobba Maltin ma ridux itemmuha

Andrea Prudente, il-mara Amerikana li fetħet proċeduri kontra l-Istat Malti meta kienet imċaħħda milli ttemm tqala li ma kinitx vijabbli, qatt ma kienet f’riskju li titlef ħajjitha.

The Times of Malta rrapportat li din kienet il-pożizzjoni tal-Istat Malti li qed jiddefendi lilu nnifsu quddiem il-Qorti Kostituzzjonali. Prudente qed tisħaq li meta t-tobba Maltin irrifjutaw li jtemmulha t-tqala, dawn kienu qed jiksru d-drittijiet fundamentali tagħha.

Il-każ seħħ f’Ġunju li għadda meta Prudente bdiet titlef ħafna demm u t-tobba qalulha li t-tqala ma kinitx se tirnexxi. Prudente kienet Malta għal btala.

Malta spiċċat tiġbed l-attenzjoni tal-midja internazzjonali għax Prudente kellha tmur Spanja biex tabbortixxi t-tarbija. Prudente qed tisħaq li Malta ma offriet l-ebda sigurtà għal ħajjitha.

Għal Prudente, f’dan il-każ qed tidher Lara Dimitrijevic, Avukata u attivista favur id-drittijiet tan-nisa u anke l-abort. 

L-Avukat tal-Istat, Chris Soler qed jinsisti li Prudente qatt ma kienet fil-periklu li titlef ħajjitha meta kienet Mater Dei u li t-tobba għamlu min kollox biex jgħinuha u tawha l-kura kollha possibbli.

Kien dan il-każ li wassal biex il-Gvern iressaq emendi quddiem il-Parlament biex kemm it-tobba u anke l-ommijiet ikunu protetti jekk jiddeċiedu li jtemmu t-tqala f’każ li s-saħħa tal-omm tkun fil-periklu.

Aqra wkoll:

More in Politika