Filmat | 'Ejja nattrezzaw l-isptarijiet biex verament iħarsu l-ħajja ... allaħares qatt isiru biċċeriji'

L-Isqof ta' Għawdex jistaqsi għaliex kien hemm bżonn emendi fil-liġi meta l-ħajja tal-omm diġà qed tkun protetta u jisħaq li jekk dawn se jiddaħħlu biex jitbexxaq il-bieb għall-abort ma jkunx jagħmel sens li persuna tiċċelebra l-Milied jew inkella jum twelida

L-Isqof ta' Għawdex Anton Teuma ppubblika filmat li fih wassal l-appell tiegħu fil-ġurnata li fiha l-Parlament se jibda jiddiskuti l-emendi li qed jipproponi l-Gvern bil-għan li tobba u anke ommijiet ikollhom iċ-ċertezza u s-serħan il-moħħ legali f'każ li s-saħħa tal-istess omm tkun fil-periklu.

Monsinjur Teuma wera d-dubji tiegħu kemm dawn l-emendi qed isiru biex tkun protetta l-ħajja tal-omm, meta fi kliemu, dan diġà qed jiġri u jkun hemm drabi fejn it-tobba jiddeċiedu li jissagrifikaw il-ħajja tat-tarbija fil-ġuf biex isalvaw l-omm li tkun f'periklu.

"Kieku l-emendi kienu verament biex tkun protetta l-ħajja tal-mara, kieku ma kienx ikun hemm bżonn emenda għal din il-liġi għax diġà l-ħajja tal-mara qed tkun protetta," qal l-Isqof Teuma. 

Kien hawn li l-Isqof Teuma qal li jekk din l-emenda qed tbexxaq il-bieb biex ftit ftit jidħol l-abort, ma jkunx jagħmel sens li jiġi ċċelebraw il-Milied u kulħadd ikompli jipprepara biex iżejjen, biex jara x'se jsajjar jew inkella x'se jilbes.

Irrikonoxxa li mhux kulħadd jemmen. Lil dawn staqsihom jekk jagħmilx sens li jiċċelebraw jum twelidhom, il-birthday, meta mbagħad jiddeċiedu li ħajja oħra ma toħroġx mill-ġuf.

"Min jien jien biex ngħid li l-ħajja tiegħi hija aktar importanti minn dik li jiena b'mod arbitrarju niddeċiedi li ma nħallihiex titwieled?", staqsa l-Isqof.

Kien hawn li saħaq li l-proposta tiegħu hija waħda sempliċi, jiġifieri li jsir sforz biex l-isptarijiet jinbiddlu f'postijiet li jipproteġu l-ħajja, billi jsir investiment f'aktar tagħmir u taħriġ tal-professjonisti biex jagħmlu dak kollu possibbli biex isalvaw il-ħajjiet u ma jkunx hemm għalxiex jagħżlu bejn ħajja u oħra.

"Allaħares qatt jasal dak il-jum li l-isptarijiet tagħna jsiru biċċeriji," kompla l-Isqof.

Appella wkoll lil kulħadd, kemm lil min huwa Kristjan u anke lil min mhuwiex, biex ikunu attenti għal bżonnijiet ta' dawk li qed ibatu, inkluż tal-omm li qed iġġorr tarbija biex ikun assigurat li jkollha l-appoġġ kollu li għandha bżonn kemm fiżikament imma anke psikoloġikament.

"Lil dawk li ma jridux it-tarbija li tnisslet f'ġufhom, ejjew niggarantulhom li s-soċjetà se tieħu ħsieb il-ħajja, speċjalment f'pajjiż fejn hawn nuqqas ta' twelid."

Temm jappella lill-poplu kollu biex jieħu ħsieb il-kultura tiegħu u joqgħod attent "għax bl-iskuża li nkunu bħal ħaddieħor se nidħlu fil-widien mudlama li fihom diġà daħal ħaddieħor."

Appella wkoll biex kulħadd jiffirma l-petizzjoni li qed issir biex Malta tiċċelebra "kultura ta' ħajja u mhux kultura ta' mewt."

More in Politika