'Dan hu mument ta' prova;' Il-PN iħeġġeġ lill-poplu jieqaf lil Robert Abela u jsemma' leħnu kontra l-abort

Il-Partit Nazzjonalista qed jisħaq li Robert Abela qed jabbuża mill-kariga tiegħu ta' Prim Ministru għax qal li l-emendi li qed iressaq huma qarrieqa u se jkunu qed jintroduċu l-abort f'Malta

Il-Partit Nazzjonalista qed jisħaq li Robert Abela qiegħed “jabbuża” mill-kariga tiegħu ta’ Prim Ministru meta “b’emenda qarrieqa għall-Kodiċi Kriminali” qed idaħħal l-abort f’pajjiżna.

Il-ġimgħa li għaddiet, il-Partit Nazzjonalista ddikjara li huwa kontra l-emendi li ressaq il-Gvern biex joffru ċertezza legali lit-tobba u l-ommijiet meta jiddeċiedu li jtemmu t-tqala għax il-ħajja tal-omm tkun fil-periklu.

Fi stqarrija maħruġa dalgħodu, il-PN qal li llejla l-Parlament se jibda jiddiskuti l-abbozz ta’ liġi li permezz tiegħu se jidħol l-abort f’Malta, xi ħaġa li l-Gvern qiegħed jiċħad.

“Dan hu tipiku ta’ Prim Ministru li m’għandu l-ebda rispett lejn il-valur tal-ħajja mill-konċepiment sal-aħħar nifs,” qal il-PN. “Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li l-Prim Ministru u l-Membri Parlamentari kollha eletti f’isem il-Partit Laburista m’għandhomx mandat elettorali biex idaħħlu l-abort f’pajjiżna.”

L-istqarrija ftakkar ukoll li qabel l-elezzjoni Robert Abela kien jgħid li hu kontra l-abort u issa qed jgħid u jagħmel il-kontra “billi b’qerq u b’għaġġla kbira jrid ibiddel il-liġi ta’ pajjiżna biex jidħol l-abort.”

Kien hawn li l-PN akkuża lil Abela li qed jabbuża mill-kariga tiegħu u insista li kien ikun aktar għaqli kieku minflok ipprovda ċertezza legali u protezzjoni għan-nisa tqal, it-trabi fil-ġuf u l-professjonisti fil-qasam tas-saħħa f’każ meta jkun meħtieġ intervent biex tiġi salvata l-ħajja tal-omm li tkun tinsab f’periklu ċar.

Fil-fatt, il-Partit Nazzjonalista qed iżomm mal-pożizzjoni li ħadu diversi esperti f’oqsma differenti, jiġifieri li l-abbozz kif maħruġ mill-Gvern iħalli ħafna mistoqsijiet mhux imwieġba u ma jagħtix biżżejjed garanzija li l-ħajja se tkun protetta.

“Il-Membri Parlamentari kollha tal-Partit Nazzjonalist diġà ddikjaraw li huma kontra d-dħul tal-abort f’pajjiżna u se jkunu qed jivvutaw kontra l-liġi kif irid jibdilha Robert Abela,” qal il-PN.

Il-Partit Nazzjonalista qiegħed isejjaħ lill-Maltin u Għawdxin kollha |li jemmnu fil-valur tal-ħajja mill-konċepiment sal-aħħar nifs, sabiex isemmgħu leħinhom” kontra d-dħul tal-abort f’pajjiżna billi jinsistu mar-rappreżentanti tagħhom fil-Parlament biex ma jivvutawx favur l-emendi tal-Gvern.

“Il-Partit Nazzjonalista jemmen li dan hu mument ta’ prova għall-poplu Malti u Għawdxi li qed jiġi msejjaħ sabiex iwaqqaf lil Robert Abela milli jdaħħal l-abort f’pajjiżna,” temmet tgħid l-istqarrija. 

'L-abort se jibqa' illegali' - Il-PL jirreaġixxi

Fi stqarrija b'reazzjoni, il-Partit Laburista qal li b'dak li jibda jiddiskuti l-Parlament illejla l-abort fil-liġijiet Maltin se jibqa’ llegali.

Insista li l-għan tal-abbozz ta’ liġi hu li tkun iċċarata l-pożizzjoni legali tat-tabib kuranti u tal-omm f'ċirkostanzi fejn it-tqala twassal sabiex l-omm tbati minn kumplikazzjoni medika li tkun tista' tqegħdilha ħajjitha f'riskju jew saħħitha f'periklu gravi.

L-istqarrija tgħid li l-Partit Laburista jemmen li m’għandu jkun hemm l-ebda xkiel fl-għoti tal-kura neċessarja lill-omm filwaqt li saħaq li l-Partit Nazzjonalista huwa konxju li dawn l-emendi mhuwiex minnu li se jdaħħlu l-abort. 

More in Politika