Vittmi ta' vjolenza domestika jgħidulhom li l-każ tagħhom se jibda jinstema' fl-2024

Uħud mill-vittmi ta' vjolenza domestika li qed jiftħu każ il-Qorti kontra l-aggressuri tagħhom bħalissa qed jintqalilhom li l-każ tagħhom se jibda jinstema' fl-2024... 

Hekk kif il-pajjiż għadu taħt xokk minn attakk ta' vjolenza domestika fl-apert li ħalla mara u omm ta' tnejn mejta, qed toħroġ dejjem aktar ċara illi minkejja l-messaġġi kontinwi kontra l-vjolenza domestika, il-proċess ġudizzjarju għad fadallu ħafna x'jaqdef biex ikun verament riflessjoni tas-sens ta' urġenza li teħtieġ din il-kwistjoni. 

Dean Hili, Avukat li jitratta każi li jidhru quddiem il-Qorti tal-Familja sostna f'kummenti mal-gazzetta ILLUM illi minkejja titjib konsidrevoli u minkejja Maġistrat li qed taħdem kemm tista' biex tisma' każi, nies li qed jiftħu każ kriminali ta' vjolenza domestika quddiem il-Qorti qed jiġu infurmati li l-każ tagħhom se jibda fl-2024. "Iva dan id-dewmien huwa l-akbar problema li qed tiffaċċja l-Qorti tal-Familja u hemm soluzzjonijiet, fosthom hemm bżonn ta' aktar impjegati u riżorsa" jisħaq Hili ma' din il-gazzetta. Huwa fil-fatt jgħid illi, b'kumbinazzjoni, fl-istess jum li l-ILLUM għamlet kuntatt miegħu kellu każ ta' vittma li rrabjata għall-aħħar għarfitu illi l-każ tagħha fuq akkużi ta' vjolenza domestika se jibda jinstema' 'il fuq minn sena oħra, fl-2024. 

Din il-problema serja li kkonferma li teżisti l-avukat Hili, sar aċċenn għaliha mill-Malta Women's Lobby aktar kmieni din il-ġimgħa li fakkru illi biex tisma' dawn il-każi ta' vjolenza domestika hemm biss Maġistrat wieħed, bil-konsegwenza li hemm lista twila ta' każi li qed jistennew biex jibdew jinstemgħu. Il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard, minn naħa tiegħu, f'kummenti mas-sit illum.com.mt sostna illi l-Gvern għaddej b'ħidma sabiex ikun hemm Awla ġdida u anke Maġistrat ġdid f'din il-Qorti. 

L-avukat Dean Hili (xellug)
L-avukat Dean Hili (xellug)

Hili - filwaqt li rrikonoxxa x-xogħol li qed isir - għamilha ċara li minkejja li dak li jkun iwaħħal fil-Maġistrat għal dan id-dewmien eseġerat, "fil-fatt il-Maġistrat qed taħdem kemm tiflaħ biex tisma' u taqta' ħafna mill-każi." Huwa qal iżda li jibqa' fatt li Maġistrat waħedha mhux biżżejjed. 

Huwa iddeskriva d-dewmien li qed jiffaċċjaw mijiet ta' vittmi ta' vjolenza domestika bħala "kritiku."

Hili semma wkoll il-fatt li huwa "eseġerat komuni" f'dawn il-każi li parti twaqqa' l-każ, jiġifieri li għal raġuni jew oħra l-vittma twaqqa' l-każ kontra l-aggressur tagħha/tiegħu. Filwaqt li tfakkru li l-Pulizija jistgħu jibqgħu jinvestigaw il-gazzetta tistaqsih jaħsibx li hemm bżonn illi l-liġi tagħmilha aktar diffiċli biex persuna tkun tista' twaqqa' kawża bħal din. 

L-avukat spjega li huwa korrett li jingħad illi l-Pulizija jistgħu jibqgħu għaddejjin jinvestigaw il-każ u jtellgħu lill-akkużat il-Qorti, anke jekk fi stadju bikri l-vittma taħfer jew twaqqa' l-akkużi. "Iżda ħafna mill-każi ta' vjolenza domestika jseħħu bejn l-erba' ħitan tad-djar u għal raġunijiet ovvji l-Kodiċi Kriminali tgħid li membri tal-familja mhumiex obbligati jixhdu kontra persuna mill-familja tagħhom stess. Dan ifisser li jekk ħadd barra mill-familja ma jkun ra r-reat iseħħ u ħadd mill-familja ma jitla' jixhed il-każ kontra l-aggressur jaqa' u qisu qatt ma kien.

Għalhekk diffiċli li tagħmilha aktar stretta ladarba dan il-punt fil-Kodiċi Kriminali jgħodd f'kull każ, mhux biss f'każ quddiem il-Qorti, mhux f'każi ta' vjolenza domestika biss."

Hili fakkar li naturalment hemm realtajiet oħrajn li jmorru lilhinn mil-liġi u l-qrati, fosthom ta' nies li sfortunatament ma jaraw xejn bħala deterrent milli jwettqu reat, inkluż dak ta' vjolenza domestika. "Jekk piena bħal għomor il-ħabs mhuwiex deterrant għal xi ħadd. Aħseb u ara Ordni ta' Protezzjoni, tkun kemm tkun iebsa," temm jgħid l-Avukat Dean Hili. 

X'qalu l-Malta Women's Lobby?

Iktar kmieni din il-ġimgħa, filwaqt li sostnew li wasal iż-żmien li Malta timplimenta l-Konvenzjoni ta' Istanbul b'mod effettiv, il-Malta Women's Lobby sostna li hemm bżonn illi tkun indirizzata darba għal dejjem il-lista twila ħafna ta' każi ta' vjolenza domestika u vjolenza kontra n-nisa li qed jistennew biex jinstemgħu quddiem il-Qorti. "Hemm bżonn aktar Maġistrati li jaħdmu b'mod esklussiv fuq każi ta' vjolenza kontra n-nisa, bħalissa Maġistrat wieħed biss hemm li huwa inaċettabbli!"

Il-Malta Women's Lobby kompla jisħaq, fi stqarrija, illi l-Gvern jeħtieġ ukoll illi jagħti aktar fondi lill-Aġenzija Appoġġ u lil servizzi li jitrattaw każi ta' vjolenza domestika ħalli aktar impjegati jkunu jistgħu jassistu nisa li jispiċċaw vittmi ta' vjolenza. 

"Jekk dan ma jsirx l-Istat u l-istituzzjonijiet jkunu qed ikomplu jfallu lin-nisa tagħna," temmet tgħid l-istqarrija.

 

More in Politika