Fearne iressaq quddiem il-Parlament l-emendi li se jippermettu l-abort f'każ li l-ħajja tal-omm tkun f'periklu

L-emendi ma jispeċifikawx x’inhuma l-kumplikazzjonijiet mediċi li jirrikjedu t-tmiem ta’ tqala b'Fearne jisħaq li f'kull każ se jirrenja l-ġudizzju kliniku jiġifieri dak li t-tobba jaħsbu li hu fl-aħjar interess tas-saħħa tal-omm u tat-tarbija

Dalgħodu, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ppreżenta fil-Parlament l-ewwel qari tal-abbozz li se jkun qed jagħmel l-abort possibbli meta l-ħajja tal-omm tkun f’riskju.

L-ewwel qari huwa l-ewwel pass fil-proċess Parlamentari qabel mal-emendi jkunu diskussi aktar fid-dettall fil-Kumitati Parlamentari, f’dak imsejjaħ bħala t-tieni qari.

Il-ġimgħa li għaddiet, il-Ministru Fearne ħabbar dawn l-emendi li fi kliemu huwa “favur il-ħajja” għax se jassiguraw li tkun salvata l-ħajja tal-omm f’każ li din tkun f’periklu.

Fuq Twitter, dalgħodu, il-Ministru Fearne spjega kif dawn l-emendi fil-Kodiċi Kriminali se jkunu qed jassiguraw li t-tobba jkunu protetti jekk jagħżlu li jsalvaw il-ħajja tal-omm u jtemmu t-tqala jekk din tiżiluppa kumplikazzjonijiet serji.

L-abort jibqa’ illegali kompletament iżda l-emendi jneħħu r-riskju li tabib jew inkella l-mara jispiċċaw jiffaċċjaw akkużi kriminali jekk it-tqala tkun mitmuma biex tkun issalvagwardjata l-ħajja tal-omm.

L-emendi ma jispeċifikawx x’inhuma l-kumplikazzjonijiet mediċi li jirrikjedu t-tmiem ta’ tqala. Id-definizzjonijiet għadhom mhux ċari.

Kull każ, fejn ikun hemm kumplikazzjonijiet mediċi, jirrenja l-ġudizzju kliniku jiġifieri dak li t-tobba jaħsbu li hu fl-aħjar interess tas-saħħa tal-omm u tat-tarbija," żied mal-ILLUM. 

Aqra wkoll:

Għaliex iddaħħlu dawn l-emendi?

Infakkru li dawn l-emendi se jkunu qed jindirizzaw lit-tobba u l-ommijiet b’mod dirett. Dawn se jagħtu lit-tobba l-libertà u l-għażla li jintervjenu fil-każ li l-pazjent ikollha kumplikazzjonijiet fit-tqala li jheddulha ħajjitha, mingħajr biża’ li jittieħdu passi kriminali kontrihom u tiġi revokata l-liċenzja tagħhom. Dawn l-emendi qed jitressqu wkoll fid-dawl tal-każ ta' Andrea Prudenti li kellha tiġi trasportata lejn Spanja biex twaqqaf it-tqala hekk kif kellha kumplikazzjonijiet fit-tqala tagħha. Fil-fatt Prudente se tressaq lill-Gvern Malti quddiem il-Qorti. 

Intant f'kuntatt mal-ILLUM il-Professur, Ġinekologa u attivista mad-Doctors for Choice, Isabel Stabile qalet li minkejja li l-Gvern m'għandux mandat għall-abort, “lanqas fuq il-mina ta’ Għawdex ma kellu mandat u xorta proponiha.” Fl-istess waqt, mal-ILLUM hija qalet ukoll li l-Gvern qiegħed jimxi bil-mod fuq il-kwistjoni tal-abort, iżda "xi darba naslu." 

More in Politika