Il-Kummissarju għall-Anzjani mħasseb dwar 'l-iffriżar' tal-ammissjonijiet ta' anzjani fi djar ta' kura

Jisħaq li l-anzjani ma għandhom qatt jintużaw bġala pedina fid-differenzi li jinħolqu u għalhekk ħeġġeġ lill-Gvern u lill-MUMN biex isibu soluzzjoni kemm jista' jkun malajr għall-ġid tal-anzjani

Il-Kummissarju għall-Anzjani jinsab imħassab dwar id-dewmien fl-ammissjonijiet ta’ anzjani fi djar ta’ kura, anke meta dawk ikollhom bżonn għajnuna diretta.

Fi stqarrija, il-Kummissarju tkellem dwar anzjani li jidħlu Mater Dei minħabba kundizzjonijiet ta’ saħħa akuti. Uħud minn dawn jirkupraw u  jkunu jistgħu jibqgħu jgħixu fil-komunità, iżda fakkar li għal oħrajn dan ma jkunx possibbli u għalhekk jiġu riferuti għal djar ta’ kura bħala resident fit-tul. 

“Huwa ovvju li dawn it-trasferimenti għandhom jitweqqu f’ħin kemm jista jkun malajr minħabba żewg raġunijiet primarji. L-ewwel nett huwa essenzjali li l-kura xierqa, f’waqtha u umana tal-anzjani għandha tingħata ġewwa djar u faċilitajiet adatti għalihom,” insista l-Kummissarju.

Fakkar li l-Gvern jinvesti f’dawn id-djar u huma rregolati mis-Social Care and Standards Authority li tassigura l-aqwa kura għall-anzjani.

“It-tieni raguni, ugwalment essenzjali, hi li s-sodod akuti ġewwa l-Isptar Mater Dei jibqgħu kemm jista’ jkun għad-dispożizzjoni ta’ pazjenti li għandhom bżonn dik il-kura akuta. Nafu li jekk dan ma jseħħx, speċjalment fix-xhur tax-xitwa li issa tinsab magħna, jinħolqu problemi ta’ dewmien fid-dipartiment tal-Emerġenza, iffullar fis-swali u operazzjonijiet ikkanċellati,” insista l-Kummissarju.

Il-Kummissarju għall-Anzjani nnota wkoll dak li sejjaħlu bħala “paraliżi fir-relazzjonijiet” bejn is-setturi kkonċernati u l-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN). 

“Min-naħa għandna entitajiet governattivi li qed isostnu li huma lesti li jinvestu f’aktar riżorsi u riformi li huma meħtiega biex dawn is-setturi jimxu 'l quddiem kif jixraq li pazjenti ta’ pajjizna. Min-naħa l-oħra, l-MUMN qed tisħaq "bir-raġun" fuq id-drittijiet tal-membri tagħha,” kompla l-Kummissarju.

Innota b’dispjaċir, illi relazzjonijiet iddeterjoraw wara t-traġedja ta’ Carmelo Fino li ħareġ minn San Vinċenz de Paule u nstab mejjet ġimgħat wara. 

Insista li mingħajr soluzzjoni jistgħu jseħħu inċidenti simili u għalhekk appella biex kemm jista’ jkun malajr jintlaħaq qbil.

“Is-soċjetà taghna hija fid-dmir li toffri lill-anzjani vulnerabbli u pazjenti akuti, servizz essenzjali f’waqtu u ta’ livell għoli u bla mittiefes.  Dan is-servizz ma għandu qatt jiġi użat bħala pedina fid-differenzi li jiżviluppaw, tkun xi tkun it-tilwima. L-umanità tas-socjetà tagħna teżiġi ħafna aħjar,” temm jgħid il-Kummissarju.   

More in Politika