Caruana jakkuża lill-PN li 'rabat mażżra ma' għonq l-Air Malta' li se tiswa lill-pajjiż €100 miljun

Il-Ministru Caruana jippreżenta ftehimet kollettivi li saru fi żmien Gvernijiet Nazzjonalisti u li fi kliemu jinkludu obbligi li kkawżaw diffikultajiet kbar għall-Air Malta

Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana weħħel f’amministrazzjonijiet Nazzjonalisti għas-sitwazzjoni li tinsab fiha llum il-linja nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta.

Meta dalgħodu kien qed jindirizza l-Parlament, il-Ministru Caruana ppreżenta l-ftehmiet kollettivi u għalhekk l-obbligi li Gvern Nazzjonalista ntrabat bihom fl-aħħar snin tat-tmexxija tiegħu.

Fi kliem Caruana, dawn l-obbligi, li fi kliemu ma jagħmlux sens, se jkunu qed jiswew lill-pajjiż €100 miljun.

Fost dawn semma l-iskema għall-irtirar kmieni li Gvern Nazzjonalista inkluda fi ftehim kollettiv mal-ALPA, jiġifieri l-unjin tal-bdoti, fl-2012 wara li dan ma seħħx fis-snin preċedenti.

“Xi ħadd li jirtira ta’ 55, sakemm jagħlaq 65 sena jibqa’ jieħu żewġ terzi tal-paga talli ma jmurx għax-xogħol. Imkien fid-dinja ma ssib klawżola bħal din,” qal il-Ministru.

Għall-batibekki tal-Oppożizzjoni li għaddew disà snin u l-Gvern kellu ċans jindirizza dawn l-isfidi, il-Ministru insista li d-dnub ma jorqodx u l-pajjiż illum qed jerfa’ dan il-piż li akkumula.

Insista li biex il-Gvern ineħħi dawn il-klawżoli, kif fi kliemu se jkun qed jagħmel, l-ewwel irid jonora l-obbligi tiegħu.

“Parti mix-xogħol tiegħi huwa li nneħħi dawn il-klawżoli minn dawn il-ftehmiet li lill-kumpanija, kull sena, qed jiswewha €4 miljun,” kompla Caruana.

Tenna li l-Air Malta llum għandha dawn id-diffikultajiet minħabba dawn id-deċiżjonijiet li ttieħdu fi żmien Gvern Nazzjonalista.

“Il-piż kien hemm, immatura u l-piż irid jitneħħa biex l-Air Malta ma tibqax bil-mażżri li rabat magħha ħaddieħor,” insista Caruana. 

Tenna r-rieda tal-Gvern li jassigura li l-pajjiż jibqa’ jkollu linja nazzjonali tal-ajru, iżda għal darb’oħra naqas milli jgħid jekk din hux se tkun l-Air Malta jew inkella linja oħra.

Insista li jekk Malta ma jkollix linja nazzjonali tal-ajru, ifisser li 40% tat-turisti ma jibqgħux jiġu. “Inkunu qed insallbu ekonomija sħiħa,” qal Caruana.

Qal ukoll li l-Air Malta waslet fi tmiem ta’ proċess dwar studju dettaljat li hu se jkun qiegħed jippreżenta quddiem il-Kummissjoni Ewropea bil-għan li tkun diskussa t-triq ‘il quddiem u l-għajnuna li l-Air Malta għandha bżonn. 

“Inserraħ moħħ kulħadd li qed naħdmu qatigħ biex insolvu l-problemi. Dan il-pajjiż irid jibqa’ jkollu linja nazzjonali tal-ajru,” temm jgħid Caruana.  

More in Politika