Il-PN jgħid li jekk il-PM ibiddel il-liġi dwar il-ħatra tal-Kummissarju tal-Istandards ikun qed jikser id-demokrazija

Abela qal li jekk jibqa' jkun hemm nuqqas ta' qbil, il-Gvern lest jinvoka mekkaniżmu bil-għan li jsolvi din il-problema u jinħatru ż-żewġ uffiċjali. Madanakollu, il-liġi ma tgħid xejn dwar dan il-mekkaniżmu

L-eks Prim Imħallef Joseph Azzopardi
L-eks Prim Imħallef Joseph Azzopardi

Il-Partit Nazzjonalista insista li l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika għandu jibqa’ jiġi magħżul biż-żewġ terzi tal-Parlament u mhux mill-Prim Ministru biss.

Fi stqarrija, il-PN akkuża lill-Prim Ministru li jrid ibiddel il-liġi dwar kif jinħatar il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika u insista li dawn huma tattiċi anti-demokratiċi u irresponsabbli li jkissru l-istituzzjoni tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.

“Wara li nqabad jigdeb dwar il-Kap tal-Oppożizzjoni, Robert Abela poġġa lilu nnifsu dahru mal-ħajt billi ressaq mozzjoni biex jaħtar lil min irid hu bħala Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika meta jaf li l-Oppożizzjoni ma taqbilx mal-għażla tal-persuna,” insista l-Partit Nazzjonalista. “Għax jaf li ma tistax tgħaddi tiegħu waħdu, Robert Abela issa jrid ibiddel ir-regoli tad-demokrazija kif iridhom hu u meta jrid hu. Dak li jrid jagħmel Robert Abela huwa theddida serja għad-demokrazija u jmur kontra s-saltna tad-dritt f’pajjiżna.”

Il-Partit Nazzjonalista insista li l-għażla tal-persuna biex tokkupa l-kariga ta’ Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika mhijiex fdata lill-Prim Ministru jew f’idejn il-Grupp Parlamentari tiegħu waħedhom iżda hija fdata lill-Parlament b’mod sħiħ. 

“Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li d-deċiżjoni dwar il-ħatra ta’ Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika m’għandhiex issir mill-Gvern bis-saħħa tal-maġġoranza li għandu fil-Parlament iżda għandha ssir bi qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra kif diġà sar fil-passat,” tkompli l-istqarrija.

Wara li falla milli jilħaq ftehim mal-Oppożizzjoni, il-Gvern ressaq mozzjonijiet Parlamentari bil-għan li l-eks Imħallef Joseph Zammit McKeon ikun l-Ombudsman il-ġdid, filwaqt li l-eks Prim Imħallef Joseph Azzopardi jsir il-Kummissarju għall-Istandards.

Il-Partit Nazzjonalista qabel mal-għażla ta’ Zammit McKeon iżda qal li jrid aktar diskussjonijiet dwar il-Kummissarju għall-Istandards.

Abela qal li jekk jibqa' jkun hemm nuqqas ta' qbil, il-Gvern lest jinvoka mekkaniżmu bil-għan li jsolvi din il-problema u jinħatru ż-żewġ uffiċjali. Madanakollu, il-liġi ma tgħid xejn dwar dan il-mekkaniżmu.  

“Robert Abela jrid li jkun hu waħdu li jiddeċiedi min għandu jkun li jinvestigah f’każ ta’ lment dwaru jew dwar wieħed minn dawk fdati minnu bħala Ministru jew Segretarju Parlamentari,” insistiet l-istqarrija.

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-pajjiż għandu diversi persuni li huma magħrufa għall-integrità tagħha u li għandhom s-sens ta’ inizjattiva u l-ħiliet ta’ investigazzjoni li huma l-karatteristiċi meħtieġa li jkollha l-persuna li sservi bħala Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. 

Għalhekk, l-istqarrija tisħaq li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech jibqa’ f’kull ħin u ċirkostanza disponibbli sabiex jiddiskuti mal-Prim Ministru ismijiet ta’ persuni oħra li huma idonei biex iservu f’din il-kariga tant importanti għal pajjiżna. 

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li l-liġi li permezz tagħha ġie mwaqqaf il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika għaddiet mill-Parlament f’Marzu 2017 bi qbil u bl-appoġġ taż-żewġ naħat tal-Kamra. 

Il-liġi kif inhi fil-preżent kienet imfassla minn Kumitat magħżul tal-Kamra ippresedut mill-Ispeaker u bil-parteċipazzjoni sħiħa ta’ Membri Parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra.

Il-kariga ta’ Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ilha vakanti mill-1 ta’ Ottubru li għadda.

More in Politika