'In-nuqqas ta' infermiera f'Mater Dei qed iwassal biex anzjani bi bżonn ta' kura speċjalizzata jintbagħtu d-dar' - PN

Il-PN jgħid li każ riċenti wassal biex anzjan ta’ 84 sena li nħareġ mill-isptar mill-Pulizija nstab mejjet id-dar mill-istess Pulizija, fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija sostna li minħabba nuqqas ta' infermiera hemm anzjani li qed jintbagħtu d-dar mill-Isptar kontra l-volontà tagħhom u saħansitra jinħarġu mill-isptar mill-Pulizija. 

"Każ riċenti wassal biex anzjan ta’ 84 sena li nħareġ mill-isptar mill-Pulizija nstab mejjet id-dar mill-istess Pulizija fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu," tkompli tgħid l-istqarrija tal-PN li akkuża lill-Gvern illi qed jiġi jaqa’ u jqum mill-problemi kbar li jeżistu fl-Isptar Mater Dei.

Il-Partit Nazzjonalista kompla jisħaq li hu ilu diversi xhur jwissi lill-Gvern li n-nuqqas ta’ azzjoni biex isolvi l-problema ta’ nuqqas ta’ infermieri fl-isptarijiet tagħna qed twassal biex l-anzjani li jidħlu f’Mater Dei qed jintbagħtu d-dar, "anke jekk ma jkollhomx min jieħu ħsiebhom jew ikollhom bżonn ta’ kura aktar speċjalizzata."

L-istqarrija ffirmata mid-Deputati Paula Mifsud Bonnici u Stephen Spiteri tirrimarka illi l-fatt li sal-lum il-Gvern għadu ma ċaħadx dak li ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista, l-unjins, l-anzjani infushom u l-familjari tagħhom "jikkonferma l-insensittività ta’ dan il-Gvern, li għadu ma għarafx li hemm bżonn azzjoni immedjata biex is-sitwazzjoni tkun riżolta."

Għalhekk id-Deputati tal-PN temmew jgħidu li l-partit se jibq' jkun il-vuċi tal-anzjani u se jkompli jesiġi li dawn ikunu trattati b'dinjità. 

 

More in Politika