'Kellna raġun' - 23 għaqda jgħidu li issa huwa kkonfermat li l-Liġi tal-Kannabis iddaħħlet bl-għaġġla

L-għaqdiet - fosthom il-Caritas - qalu illi l-perċezzjoni li l-użu tal-kannabis fis-soċjetà tagħna sar “free for all” żdiedet b’mod drammatiku

23 organizzazzjoni - fosthom il-Caritas, Fondazzjoni OASI, il-Malta Employers Association u anke l-Alleanza kontra l-Faqar - sostnew illi l-iżviluppi riċenti madwar il-ħatra ta’ Chairperson Eżekuttiv ġdid tal-Awtorità tal-Kannabis -  u r-riżenja ta' Mariella Dimech - "jikkonfermaw ir-riżervi qawwija tagħna li l-Gvern daħħal leġiżlazzjoni b’impatt kbir fuq is-soċjetà b’mod mgħaġġel u mingħajr ma ħoloq strutturi effettivi biex il-liġi tiġi implimentata."

Dawn l-għaqdiet fakkru illi sena wara li ġiet approvata l-liġi, il-perċezzjoni li l-użu tal-kannabis fis-soċjetà tagħna sar “free for all” żdiedet b’mod drammatiku filwaqt li qalu illi qed jispikka n-nuqqas tal-istrutturi kkontemplati mil-liġi biex jirregolaw.

L-għaqdiet firmatarji esprimew t-tħassib tagħhom li, wara l-isforz qawwi li sar biex tgħaddi il-liġi, il-Gvern ma weriex l-istess rieda biex jinvesti fir-riżorsi meħtieġa biex titwaqqaf Awtorità b’saħħitha "li timplimenta l-liġi b’mod serju u responsabbli."

Għalhekk huma temmew jesprimu l-awgurju illi din l-awtorità tingħata r-riżorsi meħtieġa biex tiżviluppa l-istrutturi xierqa ħalli b'hekk tirregola settur daqshekk sensittiv "b’mod li jipproteġi l-interessi tal-membri l-aktar vulnerabbli tas-soċjetà, partikolarment it-tfal u ż-żgħażagħ."

More in Politika