Attakk minn uffiċjali ta' TM: Repubblika tiftaħ ilment fuq 'in-nuqqas gravi' tal-Ministru Farrugia

Il-Ministru Aaron Farrugia ma kienx fil-Kamra tal-Parlament biex iwieġeb mistoqsijiet dwar attakk fuq persuna fil-Marsa minn uffiċjali ta' Transport Malta - Rapporti indikaw iżda li f'dak il-ħin huwa kien fil-binja...

L-Għaqda Repubblika kitbet lill-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Istandards - minkejja li l-kariga tal-Kummissarju għadha mhux mimlija - dwar "in-nuqqas gravi u ksur serju tal-Etika tal-Ministri'" meta il-Ministru Aaron Farrugia ma kienx fil-Parlament biex iwieġeb mistoqsijiet li jitrattaw inċident li kien irrapportat fuq il-midja kollha u li juri uffiċjali minn Transport Malta jsawwtu persuna fil-Marsa. Din l-entità taqa' taħt ir-responsabilità tal-Ministru Farrugia. 

"Jidhrilna li dan l-aġir huwa nuqqas gravi u ksur serju tal-Kodiċi ta’ Etika tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari, aktar u aktar meta mezzi tax-xandir indikaw li huwa kien fil-bini tal-Parlament," qalet l-għaqda Repubblika li fakkret ukoll illi hemm provedimenti ċari li jitrattaw l-rwol tal-Ministri fil-Parlament. Repubblika fil-fatt tfakkar li l-Ministri huma responsabbli lejn il-Parlament għad-deċiżjonijiet, policies u azzjonijiet tagħhom u tad-dipartimenti u l-aġenziji li jaqgħu fid-dekasteri tagħhom u li allura għandhom jagħtu informazzjoni korretta lill-Parlament u għandhom jikkoreġu mal-ewwel opportunità possibbli xi żbalji jew ineżattezzi li jkunu saru b’nuqqas ta’ ħsieb. L-għaqda tkompli tfakkar illi Ministru għandu jagħti dettalji dwar żviluppi importanti jew kontroversjali li jkunu seħħew fil-Ministeri tagħhom quddiem il-Parlament u li jekk ma jkunux jistgħu jattendu jgħarrfu lill-Ispeaker, xi ħaġa li jidher illi ma ġratx. 

"Repubblika hija inkwetata ħafna li l-Parlament qed jitlef il-missjoni tiegħu li jagħmel skrutinju tal-Gvern u minflok qed isir it-timbru tal-Eżekuttiv," temmet issostni l-għaqda.

More in Politika