Il-GWU u Repubblika juru l-appoġġ tagħhom lejn ġurnalist li safa' attakkat u mhedded

Victor Vella jirtaħ rapport mal-pulizija wara li ġie mgħajjar u mhedded

Victor Vella
Victor Vella

Wara li ġie mgħajjar u mhedded min persuna fuq il-midja soċjali l-General Workers Union ħarġet tagħti l-appoġġ sħiħ lill-Editur tat-Torċa Victor Vella u qalet illi "mhux aċċettabbli li f’soċjetà demokratika, ikun hemm theddid għax dak li jkun ma jaqbilx mal-opinjoni ta’ ġurnalist."

Il-unjin fakkret illi l-attakki personali, kontra Victor Vella nnifsu u l-familja tiegħu, inkluż uliedu, wasslu biex Vella jressaq rapport lill-Pulizija.

L-Unjin temmet tagħti l-appoġġ sħiħ tagħha lil Victor Vella u lill-familja tiegħu filwaqt li turi solidarjetà mal-ġurnalisti kollha, li b’xi mod jew ieħor huma mhedda waqt li jaqdu dmirhom.

"Attakk vili" - Repubblika

Intant Repubblika wkoll ikkundannat it-theddid u l-attakki li sejħitilhom "vili" fuq Vella u l-familja tiegħu. 

"Huwa inaċettabbli li hawn persuni fis-soċjetà tagħna li jheddu u jattakkaw persuna oħra għaliex din tkun qed taħdem favur id-dinjità u d-drittijiet ta’ persuni oħra. Dan it-theddid u dawn l-attakki huma aktar gravi meta jsiru fuq persuna li tkun qed taħdem favur persuni dgħajfa u bla vuċi," qalet l-għaqda Repubblika fil-konfront ta' Vella li huwa voċiferu ħafna fuq il-kwistjoni tal-immigrazzjoni. 

Repubblika temmet tgħid li l-attakki "viljakki fuq l-editur tat-Torċa jikbru u jieħdu l-arja anke minn messaġġi ta’ bullying istituzzjonali fejn gruppi ta’ persuni ma jibqgħux jiġu meqjusa bħala bnedmin iżda problema li rridu neħilsu minnha."

More in Politika