Mill-2020: Żieda ta’ 11,000 twissija u multa kontra operaturi ta’ scammels li jħalltu l-iskart

Il-kampanji ta’ edukazzjoni qegħdin jaħdmu? Għaliex l-operaturi tal-iscammels għadhom iħalltu l-iskart? Għalfejn għad hemm persuni li jarmu l-iskart goff barra meta hemm servizz b’xejn? Il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ Richard Bilocca iwieġeb 

Sa’ issa din is-sena l-WasteServ, wissiet lil 12,374 operatur ta’ scammels għax kellhom l-iskart imħallat f’forma ta’ ittri ta’ twissija u multi. Din iċ-ċifra tindika żieda ta’ xejn inqas minn 11,014-il rapport meta mqabbel mal-2020, liema sena l-WasteServ kienet immultat jew wissiet 1,360 operatur biss. Tajjeb li nirrimarkaw li fis-sena 2021, fi żmien 12-il xahar WasteServ wissiet lil 11,685 operatur u għalhekk dan ifisser li minkejja li s-sena 2022 għadha ma spiċċatx, diġà inqabżet iċ-ċifra tal-2021.  

Il-ġimgħa li għaddiet l-ILLUM tkellmet mal-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ Richard Bilocca dwar l-infrastruttura li tilqa’ l-iskart u l-estensjoni tal-miżbla fost oħrajn. Din id-darba tkellmet ma’ Bilocca fuq l-isseparar tal-iskart jew in-nuqqas tiegħu u l-effetti ta’ dan.  

Snin ilu ġiet introdotta l-borża tal-iskart organiku u filwaqt li ħafna ikkooperaw, qam furur meta intlemħu scammels li bdew iħalltu l-iskart flimkien.   

Proprju fuq hekk, Bilocca saħaq li huwa diżappuntanti kif ċertu sezzjoni tal-midja “pinġew realtà oħra,” jiġifieri li l-iskart qed jiġi mħallat mill-ġdid mill-kolletturi. L-ILLUM waqqfitu u fakkritu li kienu n-nies stess, li raw b’għajnejhom li l-borża tal-organiku tħalltet mal-borża s-sewda, fil-fatt il-midja irrapportat dak li raw iċ-ċittadini. Allura qed imeri dak li raw in-nies b’għajnejhom u li f’xi każi ġibdu b’filmat?  

Huwa saħaq li għal dan hemm spjegazzjoni u li żgur u mhux forsi, l-boroż is-suwed u l-organiċi ma’ jistgħu qatt jitħalltu ma’ tar-riċiklaġġ. Madankollu saħaq li għall-kollezzjoni taż-żewġ boroż hemm tliet alternattivi:  

  • Li jinġabar l-iskart b’mod separat u għaldaqstant isiru żewġ rondi għall-kollezzjoni.  
  • Li jinġabar l-iskart flimkien iżda l-iscammel ikollu żewġ kompartamenti li jissepara l-boroż dak il-ħin.  
  • U li jinġabar l-iskart flimkien u għaldaqstant jitħallat iżda jiġi separat wara l-kollezzjoni tal-iskart kollu. Dan jista’ jsir b’mod legali b’permess ambjentali maħruġ mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA). 

Din il-gazzetta staqsiet jekk it-taħlit tal-iskart jaffetwax il-proċess tal-isseparar fil-Magħtab u għal dan huwa wieġeb li ma tagħmilx differenza, “l-importanti li l-iskart organiku u tal-borża s-sewda, mal-ġbir tagħhom, ma jitħalltux ma’ tar-riċiklaġġ. Importanti wkoll li minkejja li ż-żewġ boroż jinġabru flimkien, jaslu għandna isseperati.”  

Hawn huwa reġa’ fakkar fil-multi u t-twissijiet li jagħtu lill-operaturi. Fil-fatt huwa saħaq li l-iskart ma jidħolx fil-faċilitajiet jekk ma ssirx spezzjoni tagħhom qabel. Huwa rrimarka li fl-aħħar snin l-ispezzjonijiet żdiedu biex żgur ikun hemm separar xieraq. Fil-fatt, filwaqt li fl-2020 saru 56,843 spezzjoni, fis-sena ta’ wara dawn irduppjaw għal 104,637. Intant sa’ issa, din is-sena diġà saru total ta’ 90,790 spezzjoni.  

Bilocca qal mal-ILLUM li jekk operaturi jinqabdu bl-iskart organiku ma’ tar-riċiklaġġ, l-ewwel tingħata twissija u jekk l-istess persuna tinqabad ripetutament, il-multi jogħlew filwaqt li dan jista’ jwassal biex jittieħed il-permess tal-operatur. Għaldaqstant dan ikollu jerġa’ jitħarreġ mill-bidu kif għandu jissepara l-iskart fil-faċilità rispettiva tiegħu.  

Mistoqsi jekk qatt issospendew lil xi operatur huwa wieġeb fil-pożittiv u saħansitra qal li “issospendejna uħud.”  

‘Fil-borża l-griża kollox sibna; Ħwejjeġ, annimali mejta… anke sex toys’ 

“Seperate right, make our future bright.” Kemm-il darba smajniha, iżda kemm-il darba prattikajniha?  

Din l-intervista issa daret fuq il-kampanji edukattivi li qed isiru biex iħeġġu aktar nies jisseparaw kif suppost. Madankollu l-ILLUM irrimarkat  

li pajjiżna ilu s-snin għaddej b’kampanji dwar l-ambjent inkluż dik ta’ Xummiemu. Meta se nimxu mill-kampanji u ħafna kliem sbieħ għall-fatti u riżultati? 

Bilocca qal mal-ILLUM li apparti l-kampanji kontinwi, kull tliet xhur l-WasteServ tagħmel analiżi biex tara jekk dawn humiex verament effettivi. Bħala parti minn din l-analiżi l-entità tagħmel eżerċizzju li fih taqbad 20 tunnellata ta’ skart u jkun isseparat it-tajjeb minn mal-ħażin. “Sa’ sena ilu 35% ta’ dan il-kampjun kien skart isseparat ħażin. Fil-borża l-ġriża minn kollox konna nsibu; Ħwejjeġ, annimali mejta… anke sex toys,” qal Bilocca.  

Minkejja dan qal li l-kampanji qed jaħdmu għax illum minn 35%, l-iskart il-ħażin naqas għal 19%. Iddeskriva dan bħala “progress kontinwu” fil-każ tal-borża l-griża, madankollu qal li għad fadal xi jsir f’dak li jitratta skart organiku.  

“Timlik bit-tama meta tara nies li jikkoperaw,” qal Bilocca.  

‘Għawdex huwa misteru kbir fejn qed imur l-iskart organiku’  

F’April li għadda l-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli ħabbret li permezz ta’ proġett pilota l-iskart organiku iġġenerat fl-istabbilimenti tal-ikel jinbidel f’sors ta’ enerġija nadifa. Fil-fatt, l-ġbir tal-iskart organiku sar bejn is-1:00 a.m. u l-5:00 a.m. is-Sibt u l-Ħadd biex żgur jinġabar ħafna skart.  

Bilocca għamel referenza għal dan il-proġett u rrimarka li filwaqt li f’Malta dan kien ta’ suċċess, “f’Għawdex sar diżastru għax ma nġabar xejn. Huwa misteru kbir fejn mar l-iskart organiku ta’ Għawdex.”  

Hawn Bilocca qal li l-pajjiż għandu bżonn bidla fil-kultura. “Irridu nifhmu li jekk se ngħaddi minn Triq il-Kosta u qed iddejjaqni r-riħa, li ġejja mill-miżbla l-antika, irrid nirrealizza li dik ġejja minn dak li ilni nitfa’ fil-borża s-sewda kemm ilni neżisti.” 

Kompla jgħid li l-istess japplika għan-negozji l-kbar. “L-ewwel noqgħodu nitfgħu kollox fil-borża s-sewda imbagħad nistennew li l-Magħtab ikollu riħa ta’ fjuri.”  

‘Parzjalment tort tagħna għax irridu nwasslu aktar il-messaġġ’  

Kif minkejja servizz b’xejn, għad hemm persuni li sal-lum għadhom jarmu skart goff fil-kampanja jew anke fit-toroq? Il-WasteServ qed tagħmel l-infurzar meħtieġ?   

“L-infurzar u l-edukazzjoni huma kruċjali. Minkejja li hawn ħafna informazzjoni fuq is-servizzi, għandna parti mit-tort għaliex irridu nwasslu aktar il-messaġġ dwar l-impatt negattiv li jħalli dan l-iskart,” qal Bilocca.  

Stqarr li għadu ma jistax jifhem għaliex għad hemm persuni li jagħżlu li jarmu l-iskart goff fejn mhux suppost meta hawn servizzi provduti b’xejn u li “xi kultant naħseb li huwa aktar vandaliżmu ambjentali milli sempliċement biex jeħilsu minn oġġett.”  

Dalwaqt: Trid tibda tissepara l-iskart bilfors 

Il-ġimgħa l-oħra tħabbar ukoll li mis-sena d-dieħla l-isseparar tal-iskart se jkun mandatorju għal kulħadd. Bilocca qal li, “jekk persuna imbagħad tibqa’ ma tisseparax, mela j’Alla tbati l-konsegwenzi. Għax il-konsegwenzi ta’ persuna waħda, illum qed ibatihom kulħadd.”  

“Il-problema fl-immaniġġjar tal-iskart mhix problema tal-WasteServ biss iżda tagħna lkoll. Fil-fatt din hija l-ikbar problema ambjentali li għandu l-pajjiż,” temm jgħid mal-ILLUM il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ, Richard Bilocca. 

More in Politika