Claire Stafrace Zammit mhux se tisma' l-każ ta' Repubblika dwar il-Bank Pilatus għax 'sar żball'

Il-President tal-organizzazzjoni Repubblika, Robert Aquilina ddeskriva dawn l-affarijiet bħala bsaten fir-roti

Ġurnata wara li l-Maġistrat Claire Stafrace Zammit ingħatat l-inkarigu biex tisma' l-każ ta' Repubblika dwar il-Bank Pilatus, l-istess organizzazzjoni ġiet infurmata li l-każ li kellu jibda jinstema' għada mhux se jibda minħabba "żball amministrattiv."

Fil-fatt, f'komunikat iffirmat mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti, intqal li Stafrace Zammit ġiet assensjata dan il-każ, minflok il-Maġistrat Nadine Lia (skont Digriet tal-Qorti Kostituzzjonali, minħabba żball amministrattiv għax fl-ebda ħin ma ttieħed inkonsiderazzjoni digriet ieħor tal-Qorti Kostituzzjonali maħruġ fil-11 ta' Novembru, li dwaru Repubblika ma taf xejn.

"Hu evidenti li l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat tal-Istat ħolmu b’xi intopp ieħor biex jibqgħu jagħmlu l-bsaten fir-roti tal-ġustizzja fil-każ tal-Bank Pilatus. Jidhru li qed isiru ħwejjeġ minn wara daharna, minkejja li l-kawża bdejniha aħna u aħna parti fiha. Dawn m’humiex affarijiet aċċettabbli," qal Cutajar waqt li insista li dawn "it-tentattivi ddisprati" mhux se jaqtgħulu qalbu.

Propju għalhekk li Repubblika ressqet protest urġenti tisħaq fost oħrajn li minkejja li l-każ fetħitu hi, mhux qed titħalla tinstema' daqs il-partijiet l-oħra. 

"Republikka hija xxukjata u sinċerament mhijiex tifhem x’qed jigri minn wara daharha ghax filwaqt li minn din l-imejl mibgħuta lilha dalghodu minn Deputat Reġistratur tal-Qorti tal-Magistrati (Malta) hija donnu qed tifhem li kien hemm xi digriet ta’ din l-Onorabbli Qorti maħruġ il-Ġimgħa, 11 ta’ Novembru 2022 li jikkonċernaha u li dwaru ma rċeviet xejn sal-mument li qed jiġi ppreżentat dan ir-rikors b’urġenza," saħaq l-Avukat Jason Azzopardi.

Repubblika qalet li qabel ma tiġi revokata ordni ta' assenjazzjoni, hi kellha tkun infurmata minnufih u titħalla tkun mismugħa. Qed tisħaq li jkun assigurat li dan isir f'kull mument tal-każ u f'dak kollu li jikkonċernah. 

Il-każ infetaħ minn Repubblika u fih qed tisfida lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jgħid għaliex ma ttiħdux passi kriminali fil-konfront ta' uffiċjali tal-Bank Pilatus li dwarhom kellhom jittieħdu passi skont il-konklużjonijiet ta' inkjesta maġisterjali.

More in Politika