‘Kieku l-Labour mexa fuq dak li kien qed jimplimenta l-PN ma kienx ikollu għalfejn ikabbar il-Magħtab’

L-eks Ministru Nazzjonalista George Pullicino jirreaġixxi bil-qawwi għall-kummenti tal-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ Richard Bilocca mal-ILLUM u jisħaq li għall-estensjoni tal-Magħtab jaħtu ‘Bilocca u l-amministrazzjoni tiegħu. Ħadd u xejn aktar’

L-eks Ministru George Pullicino
L-eks Ministru George Pullicino

F’kummenti skjaċċanti mal-gazzetta ILLUM, l-eks Ministru għar-Riżorsi u l-Affarjiet Rurali Nazzjonalista George Pullicino qal li għall-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ Richard Bilocca, “ix-xemx telgħet meta laħaq hu” u li għall-estensjoni tal-Magħtab “jaħtu Bilocca u l-amministrazzjoni tiegħu. Ħadd u xejn aktar.” 

Dan qalu bħala reazzjoni għall-ewwel parti tal-intervista tal-ILLUM ma’ Bilocca, ippubblikata nhar il-Ħadd li għadda, li fiha qal li l-kriżi fl-immaniġġjar tal-iskart ġie ikkawżat minn 90 sena ta’ alabiebiżmu. Apparti minn hekk Bilocca qal ma’ din il-gazzetta li, “l-PN kien fil-Gvern għal 25 sena u ħalla warajh miżbliet biss. Għalhekk ninsabu fejn aħna illum il-ġurnata u sfortunatament ma nistgħux infaqqgħu subgħajna u nirranġaw kollox.” 

Din ma tantx niżlet tajjeb mill-eks Ministru Nazzjonalista, fil-fatt dan fakkar lil Bilocca li l-entità li qed imexxi hu, “bi flus il-poplu, biex minnha jkun jista’ jitgħajjar, inħolqot mill-Gvern fl-2002. Meta pajjiżna kien għadu dipendenti totalment fuq tfigħ ta’ skart f’miżbliet mhux ikkontrollati, bħal dik tal-Magħtab.” 

Pullicino sostna wkoll illi kieku l-Gvern Laburista fl-2013 baqa’ miexi fuq dak li kien qiegħed jimplimenta l-PN kieku ma kienx ikollu għalfejn ikabbar il-miżbla tal-Magħtab bi 15-il metru oħra. 

‘Nesa s-Sur Bilocca?’

Tajjeb li nfakkru li Bilocca enfasizza li jħoss ċertu sens ta’ rabja meta l-immaniġjar tal-iskart “jintuża għal raġunijiet partiġġjani filwaqt li nibqgħu ngħidu li l-WasteServ mhijiex serja.” Dan b’reazzjoni għall-stqarrija li kienet għamlet l-Oppożizzjoni hekk kif tħabbret l-estensjoni ta’ 15-il metru tat-tul tal-Magħtab. 

Fuq hekk Pullicino irribatta li “basta qalilna li s-suġġett tal-immaniġġjar tal-iskart m’għandux ikun suġġett partiġġjan. Huwa stess qed jużah bħala ballun politiku ħalli jintgħoġob mal-Ministru, ma tmurx twarrbu.” Dan apparti li staqsa jekk strutturalment, il-Magħatab tiflaħx għal din iż-żieda. 

Infakkar lil Bilocca, li l-paga li jirċievi iħallas għaliha l-poplu u li hu obbligat li joqgħod ’l boghod minn diskorsi ta’ politika partiġġjana

Fit-tweġiba tiegħu ma’ din il-gazzetta, Pullicino kontinwament għamel mistoqsijiet diretti lil Bilocca. Huwa għamel referenza għall-ewwel strateġija li kellu pajjiżna, fis-sena 2000. “Nesa li kien minn din l-istrateġija li twieldet il-WasteServ li llum qed tintuża bħala pulptu mill-Kap Eżekuttiv, biex jgħidilna xi pjan kbir għandu hu?” staqsa Pullicino. 

Żied jgħid, li kienet b’dik l-istess strateġija li pajjiżna “ingħata miljuni kbar” mill-Unjoni Ewropea (UE) biex għall-ewwel darba saret infrastruttura “suriet in-nies” għall-immaniġġjar tal-iskart.  Fuq l-istess nota huwa irrimarka li kien Gvern Nazzjonalista li ġab il-fondi Ewropej, “ħalli Bilocca jiftaħar bir-riabilitazzjoni tal-miżbla fil-Magħtab, f’Wied Fulija u fil-Qortin.”

‘Qed iqarraq bil-kbir’ 

Pullicino iddeplora lil Bilocca, għal darb’oħra, meta qal li l-kriżi tal-iskart kien ikkawżat “mill-Gvern li spiċċa 10 snin ilu” u qal li mill-2013 sal-lum kien hemm erba’ ministri responsabbli mill-qasam u “jkun qed iqarraq bil-kbir Bilocca meta jgħid li l-miżbla se jkollu jgħolliha għax 10 snin ilu ma sar xejn!”

Huwa irrimarka wkoll li fl-2012 Gvern Nazzjonalista beda’ proċess ta’ sejħa pubblika għall-inċeneratur li jitratta 80,000 tunnellata u li dan il-proċess twaqqaf kif inbidel il-Gvern.

“Mhux talli ma kienx hemm azzjoni u viżjoni serja bejn l-2013 u llum, talli Bilocca issa se jkollu jagħmel inċineratur tliet darbiet aktar minn dak li kien issemma fl-istrateġija tagħna tal-2000,” kompla jgħid Pullicino. 

Irrimarka li Malta kellha wkoll is-sistema ta’ Bring-in sites madwar Malta “li tneħħew minn Gvern Laburista” u semma l-investiment biex saret sistema ta’ ċentri għal skart goff magħrufa bħala Civic Amenity Sites li illum jgħid li qed jintużaw bħala mħażen mill-Wasteserve.

“U bilħaqq, nixtieq infakkar lil Bilocca, li l-paga li jirċievi iħallas għaliha l-poplu u li hu obbligat li joqgħod ’l boghod minn diskorsi ta’ politika partiġġjana, kif kellu l-ardir jagħmel dan l-aħħar f’laqgħa pubblika tal-inġiniera Maltin,” temm jgħid mal-ILLUM l-eks Ministru George Pullicino.

More in Politika