Il-PM jgħid li se jiżdiedu drastikament il-multi għal min jinqabad juża l-mowbajl waqt is-sewqan

Bħalissa, persuna li tinqabad issuq waqt li tuża l-mowbajl, tista’ teħel multa ta’ €100

Il-Prim Ministru Robert Abela żvela li għaddejin id-diskussjonijiet bil-għan li jiżdiedu drastikament il-multi għal dawk li jinqabdu jsuqu waqt li jużaw il-mowbajl.

Abela qal li din hija biss waħda mill-miżuri li l-awtoritajiet qed jiddiskutu u se jkunu qed jittieħdu bil-għan li jonqsu l-inċidenti tat-traffiku, wara r-rekord ta’ fatalitajiet matul din is-sena.

Mistoqsi kemm se jkunu dawn il-multi, il-Prim Ministru ma setax jelabora aktar għax insista li d-diskussjonijiet għadhom għaddejja. 

Bħalissa, persuna li tinqabad issuq waqt li tuża l-mowbajl, tista’ teħel multa ta’ €100.

Ikkonferma li huwa mħasseb bl-ammont ta’ inċidenti li qed iseħħu kuljum u qal li l-Gvern qed iħares lejn miżuri biex iżid is-sensibbilità bejn is-sewwieqa filwaqt li jibgħat messaġġ ċar li l-użu tal-mowbajl waqt is-sewqan mhuwiex aċċettabbli.

Qal ukoll li għaddejja ħidma biex jiżdiedu l-uffiċjali fit-toroq bil-għan li dan iservi ta’ deterrent u anke biex it-traffiku jkun immaniġjat aħjar. 

Aqra wkoll:

'Hemm bżonn azzjoni mill-awtoritajiet... Is-sitwazzjoni fit-toroq sejra għall-agħar'

More in Politika