Il-Ministru Farrugia jgħid li għaddejin l-istudji dwar jekk il-proġett tal-metro huwiex vijabbli finanzjarjament

Huwa ċaħad kritika tal-Oppożizzjoni li l-Gvern abbanduna dan il-proġett

Il-Ministru għat-Trasport Aaron Farrugia ċaħad kritika li l-Gvern abbanduna l-proġett tal-metro u saħaq li Transport Malta se tkun qed twettaq studji biex ikun stabbilit jekk dan ikunx vijabbli finanzjarjament. 

Meta kien qed jitkellem fil-Parlament, il-Ministru qal li Transport Malta għandha baġit ta’ €100,000speċifikament għal dan l-istudju. 

Insista li meta dan l-istudju jkun konkluż, se jkun hu stess li jħabbar ir-riżultat tiegħu u eventwalment tittieħed id-deċiżjoni jekk il-metro hijiex se ssir jew le.

Farrugia kien qed iwieġeb għal kritika ta’ Deputati tal-Oppożizzjoni meta l-Parlament kien qed jiddiskuti l-estimi tal-Ministeru għat-Trasport.

Il-Gvern kien żvelat studju li sar għal metro li taħdem bi tliet linji jew inkella rotot u li tinkludi 25 waqfa. It-tir huwa li l-metro tinbena fuq perjodu ta’ 20 sena u ssir b’investiment ta’ €6 biljun. L-istudji saħansitra kien jgħid fejn għandhom isiru l-istazzjonijiet.

Madanakollu, il-Partit Laburista, fil-Manifest Elettorali tiegħu, ma ntrabatx li jwettaq dan il-proġett imma li jsiru l-istudji l-oħra neċessarji.

Agħfas hawn biex taqra x'kien qal il-Prim Ministru meta mistoqsi dwar l-istess suġġett.

More in Politika