'Jekk tħawwad b'xi mod jew ieħor tista' tirranġa, basta tħallas. Dak il-messaġġ tal-Gvern fl-ippjanar'

L-ADPD tisħaq illi minflok skemi biex żvilupp ODZ jiġi sanzjonat il-Gvern għandu jirrevedi l-pjani lokali tal-2006

Carmel Cacopardo waqt il-konferenza
Carmel Cacopardo waqt il-konferenza

“Għalfejn isiru il-liġijiet u r-regolamenti jekk kontinwament naraw kif isiru l-eċċezzjonijiet u nippruvaw niġġustifikaw lil min ma jimxix magħhom?” staqsa ċ-Chairperson ta’ ADPD – The Green Party Carmel Cacopardo meta indirizza konferenza quddiem l-ufficini tal-Awtorità tal-Ippjanar dalgħodu dwar amnestija ġdida li jgħid illi qed tiġġustifika l-abbużi f'art Barra ż-Żona tal-Iżvilupp (ODZ). Huwa qal li għal darb'oħra l-Gvern qiegħed jippremja lil min abbuża u qiegħed ikompli jittrasforma lill-Awtorità tal-Ippjanar f’dik li sejjaħ "aġent għall-abbużi, fejn jekk tħallas multa sostanzjali tista’ tiġġustifika l-abbużi tal-iżvilupp."

Huwa kien qed jitkellem dwar skema ġdida li qed testendi l-amnestija li kienet ħarġet fl-2016 billi tinkludi ukoll żvilupp li jinsab barra miż-żona tal-iżvilupp. Din l-iskema titkellem primarjament dwar żvilupp parzjali bla permess fl-ODZ.

Huwa qal li din l-amnestija hija insult lejn min għażel li jimxi sewwa u josserva l-liġi u r-regolamenti u jimxi mal-kundizzjonijiet tal-permess ta’ żvilupp. "L-amnestija hi dikjarazzjoni ta’ falliment fil-qasam tal-infurzar," kompla jgħid Cacopardo li sostna illi minkejja li xi kultant l-awtorità tagħmel dik li sejjħilha "show" biex qisha qed tagħmel xi ħaġa, wara dan "it-teatrin ma hemm l-ebda serjetà."

Ralph Cassar, Segretarju Ġenerali ta’ ADPD – The Green Party qal li ripetutament il-Gvernijiet tal-pajjiż iwegħdu ħaġa u jagħmlu bil-maqlub. 

Huwa qal li l-Partit Laburista għadu ħiereġ minn elezzjoni ġenerali li fiha kellu manifest elettorali li fih wiegħed illi se jassigura illi ż-żona barra mill-linja tal-iżvilupp (l-ODZ) tkun imħarsa iktar minn qatt qabel. "Minflok ma jħares l-art, bil-proposti tal-lum qed iħares lil min jabbuża, sakemm dak li jkun ikun lest li jħallas. Il-Labour fil-Gvern qed ikun konsistenti fil-mod illi fil-qasam ambjentali jimxi bil-maqlub ta’ kif wiegħed," akkuża Cassar li jkompli jgħid illi din l-amnestija  tkompli fuq l-ewwel waħda "favur l-abbużi" fil-qasam tal-ippjanar, sitt snin ilu.

Huwa temm jgħid li l-messaġġ li qed jibgħat il-Gvern huwa li jekk tħawwad b'xi mod jew ieħor tista' tirranġa, "basta tħallas."

Huma temmew jgħidu li minflok amnestiji għandu jkun hemm reviżjoni tal-pjani lokali tal-2006 biex art ODZ saret tajba għall-iżvilupp terġa' ssir ODZ. 

 

More in Politika