Il-PN b'emendi għal-liġi tal-qbiela 'biex jiġu kkunsidrati d-drittijiet tas-sidien'

Fost l-emendi mressqa mill-Oppożizzjoni hemm dik li permezz tagħha titwessa d-definizzjoni ta' raba' 

Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed iressaq numru ta' emendi ġodda għal-liġi tal-Qbiela foshtom dik li titwessa' d-definizjoni ta’ “raba’” fl-att prinċipali  u għaldaqstant tinkludi wkoll, “miġbħiet, strutturi agrikoli, irziezet tal-annimali u strutturi relatati”.

F'konferenza tal-aħbarjiet, il-Kelliem għall-Biedja u s-Sajd Toni Bezzina, il-Kelliem għall-Artijiet u l-Konsumatur Rebekah Borg u l-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista Robert Cutajar saħqu li l-PN se jkun qed iressaq emendi għal-Liġi tal-Qbiela fil-Kumitat Permanenti għall-Konsiderazzjoni tal-Abbozz ta' Liġi. Huma qalu li b'dawn l-emendi, l-Partit Nazzjonalista se jassigura li filwaqt li jkunu kkunsidrati d-drittijiet tas-sidien ta’ art agrikola, l-Istat se jkun qed jagħti sehemu biex l-agrikoltura tissaħħaħ u mhux tiddgħajjef jew tispiċċa darba għal dejjem minn pajjiżna.

Se tkun qed titressaq emenda wkoll biex f’każi ta’ rziezet li l-bidwi juża’ bħala post ta’ residenza tiegħu, tkun identifikata l-parti mir-razzett li tkun qed taqdi l-bżonnijiet tal-bidwi biex jaħdem ir-raba’ tiegħu u dik il-parti tar-razzett li tkun qed sservi bħala r-residenza tiegħu. Dan minħabba li, l-maġġoranza tal-irziezet residenzjali użati mill-bdiewa, dawn ikunu qed jaqdu kemm funzjoni agrikola kif ukoll residenzjali. Din id-distinzjoni trid tkun riflessa wkoll fl-evalwazzjoni tar-razzett biex ikun assigurat li l-bidwi ma jitlifx l-użu agrikolu tar-razzett tiegħu.

Il-kelliema qalu li l-Gvern, "li suppost jikkonsulta, qabad u mexxa fil-Parlament il-Liġi li se tirrevedi l-kera tar-raba’ agrikola qabel ma ntemm il-perjodu ta’ konsultzzjoni pubblika dwar ir-Riforma tar-Raba'. Dan hu riżultat tal-arroganza tal-Gvern, fejn jaħseb li jifhem ħafna aktar minn dawk il-bdiewa u r-raħħala li ħajjithom kollha għamlu dak ix-xogħol."

Qalu wkoll li filwaqt li l-PN fil-prinċipju hu favur li jsiru l-emendi meħtieġa se jkun qed iressaq diversi emendi biex jassigura li l-qasam agrikolu, il-bdiewa u r-raħħala jkunu ssalvagwardjati għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri, kif ukoll biex jassigura li l-agrikoltura f’pajjiżna tiffjorixxi u mhux tmut mewta naturali.

More in Politika