Ritratti | 'L-imħabba lejn il-fqir ma kinitx slogan politiku imma realtà li għex;' Karmenu Mifsud Bonnici jingħata l-aħħar tislima

Kienet ix-xewqa tal-eks Prim Ministru stess li ma jkollux funeral statali, iżda dan ma żammx lil mijiet ta' nies milli jattendu u jagħtuh l-aħħar tislima

It-tebut tal-eks Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonnici merfugħ mis-suldati (Ritratt: James Bianchi)
It-tebut tal-eks Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonnici merfugħ mis-suldati (Ritratt: James Bianchi)

Mijiet ta' persuni nġabbru fil-parroċċa tal-Immakulata Kunċizzjoni fil-Ħamrun biex isellmu għall-aħħar darba lid-disa' Prim Ministru ta' Malta, Karmenu Mifsud Bonnici.

Kienet ix-xewqa tal-eks Prim Ministru stess li ma jkollux funeral statali, iżda dan ma żammx lil mijiet ta' nies milli jattendu u jagħtuh l-aħħar tislima. Spikkat il-preżenza ta' diversi politiċi u eks politiċi inkluż Presidenti Emeriti u eks Prim Ministri. 

Ta' min ifakkar li l-President Emeritu Ugo Mifsud Bonnici huwa kuġin tal-eks Prim Ministru u d-Deputata Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici hija n-neputija tiegħu.

L-eks PM Karmenu Mifsud Bonnici jingħata tislima quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista
L-eks PM Karmenu Mifsud Bonnici jingħata tislima quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista

Iċ-ċelebrazzjoni tmexxiet mill-Arċisqof ta' Malta Charles Scicluna u kkonċelebraw l-Isqof Awżiljarju Joe Galea Curmi li jiġi n-neputi tal-eks Prim Ministru u anke ħuh, Monsinjur Ġużeppi Mifsud Bonnici.

Waqt l-omelija, l-Isqof Joe Galea Curmi ddeskriva lil zijuh bħala bniedem ta' ġenerożità kbira u b'qalb tad-deheb.

Insista li għal Karmenu Mifsud Bonnici, l-imħabba lejn il-fqir ma kinitx biss slogan politiku imma realtà li għexa. Qal li hu qatt ma baqa' passiv quddiem il-bżonnijiet ta' dawk l-aktar vulnerabbli. 

Is-santa tal-funeral ta' Karmenu Mifsud Bonnici (Ritratt: James Bianchi)
Is-santa tal-funeral ta' Karmenu Mifsud Bonnici (Ritratt: James Bianchi)

"Kien hemm klijenti li flok ħallsuh huma, għenhom hu," kompla l-Isqof Galea Curmi. 

Saħaq li l-eks Prim Ministru dejjem ħadem ukoll favur il-ġustizzja soċjali u uża l-intelliġenza tiegħu b'risq il-ħaddiema u d-drittijiet tagħhom u insista li hu dejjem baqa' leali lejn dak li emmen fih u ma ħalla lil ħadd idaħħlu f'xi xibka ta' korruzzjoni.

Semma l-għożża li kellu għall-familja, l-imħabba lejn Kristu u l-paċenzja u l-fidi li biha għex minn ħafna mard.

Ritratt ta' James Bianchi waqt il-funeral tal-eks Prim Ministru
Ritratt ta' James Bianchi waqt il-funeral tal-eks Prim Ministru
Ritratt ta' James Bianchi waqt il-funeral tal-eks Prim Ministru
Ritratt ta' James Bianchi waqt il-funeral tal-eks Prim Ministru
Ritratt ta' James Bianchi waqt il-funeral tal-eks Prim Ministru
Ritratt ta' James Bianchi waqt il-funeral tal-eks Prim Ministru
Ritratt ta' James Bianchi waqt il-funeral tal-eks Prim Ministru
Ritratt ta' James Bianchi waqt il-funeral tal-eks Prim Ministru

'Il-Mulej issa jieħdok fi ħdanu u jgħidlek: Karm kull ma għamilt mal-iżgħar fost dawn ħuti għamiltu miegħi," temm l-Isqof Awżiljarju. 

Minkejja li dan ma kienx funeral statali, l-eks Prim Ministru ngħata wkoll tislima minn rappreżentanza tal-Forzi Armati ta' Malta u kienu sitt suldati li refgħu t-tebut mgħotti bil-bandiera Maltija.

Fi triqtu lejn il-knisja, il-korteo funebri waqaf quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fejn l-eks Mexxej Laburista ngħata tislima xierqa.

Illum Malta qed tosserva t-tieni ġurnata ta' Luttu Nazzjonali. 

Din il-knisja ddedikata lill-Immakulata Kunċizzjoni, kienet il-parroċċa tal-eks Prim Ministru hekk kif hu għex ftit tal-passi 'l bogħod minnha. Huwa kien Bormliż u tgħammed propju fil-Kolleġġjata Bormliża, li hi wkoll iddedikata lill-Immakulata Kunċizzjoni.

Ritratt ta' James Bianchi waqt il-funeral tal-eks Prim Ministru
Ritratt ta' James Bianchi waqt il-funeral tal-eks Prim Ministru
Ritratt ta' James Bianchi waqt il-funeral tal-eks Prim Ministru
Ritratt ta' James Bianchi waqt il-funeral tal-eks Prim Ministru
Ritratt ta' James Bianchi waqt il-funeral tal-eks Prim Ministru
Ritratt ta' James Bianchi waqt il-funeral tal-eks Prim Ministru

Min kien Karmenu Mifsud Bonnici?

L-eks Prim Ministru u eks Mexxej Laburista Karmenu Mifsud Bonnici miet, fl-età ta' 89 sena.  

Karmenu huwa iben Lorenzo Mifsud Bonnici u Catherine Buttigieg u minkejja illi se jibqa' mfakkar għar-rabta tiegħu mal-ħaddiem u mal-Partit Laburista li kien mexxa għal tmien snin huwa fil-fatt ġej minn familja li hija ħafna iktar sinonima mal-Partit Nazzjonalista. Dan hekk kif ħuħ Antoine Mifsud Bonnici għal ħafna snin kien serva bħala Membru tal-Kabinett ta' Eddie Fenech Adami kif għamel kuġinuh, l-eks Minstru tal-Edukazzjoni u President Emeritus Ugo Mifsud Bonnici.  

Pero' apparti li kien ġej minn familja Nazzjonalista, Mifsud Bonnici kien ukoll persuna ħafna eqreb tal-Knisja milli kien Mintoff u milli kien il-kurrent ġenerali fil-Partit Laburista, anke jekk fil-fatt kien taħtu illi kien hemm il-famuża battalja mal-Knisja dwar l-iskejjel bil-famuża għajta "Jew b'xejn. Jew xejn" - meta l-Gvern ta' Mifsud Bonnici kien saħaq illi l-iskejjel tal-Knisja ma kellhomx iżommu flus għall-edukazzjoni li joffru, bil-kwistjoni tispiċċa bl-għeluq tal-istess skejjel għal xi żmien u studenti li kienu qed jieħdu lezzjonijiet id-dar.  

Minkejja dan, lura fis-60ijiet huwa kien appoġġja lil Ġunta Djoċesana li dak iż-żmien kienet qed topponi b'qawwa lil Dom Mintoff u fi żmien meta l-Arċisqof Mikiel Gonzi kien saħansitra ddikjara li vot għal-Labour kien dnub.  

Fl-1969 huwa kien daħal fil-moviment tax-xellug meta sar konsulent tal-General Workers' Union bħala parti mill-ġlieda tagħha kontra Gvern Nazzjonalista u Abbozz li kien qed jipproponi li seta' jfisser illi ħaddiema li jistrjakjaw jispiċċaw il-ħabs.  

11-il sena wara huwa kien appuntat Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, sena biss qabel l-elezzjonijiet tal-1981 li fil-fatt kien mexxa mil-lat ta' kampanja.  

Aqra wkoll: 'Ħadha bi kbira wisq kien tal-Egyptair' - Owen Bonnici dwar il-hijack tal-1985

L-elezzjoni tal-1981 kienet tat riżultat "pervers" hekk kif minkejja li l-Partit Laburista kien kiseb maġġoranza ta' siġġijiet, ma kienx kiseb il-maġġoranza tal-voti. Dan wassal għal wieħed mill-aktar perjodi mqallba fl-istorja politika Maltija, bil-Partit Nazzjonalista ma jaċċettax dan ir-riżultat u jitlob illi jmexxi l-partit li għandu l-maġġoranza warajh.  

Kienu snin ta' dimostrazzjonijiet, mass meetings, tensjoni u vjolenza politika fosthom bl-inċident ta' Tal Barrani, iż-Żejtun u anke f'lokalitajiet bħal f'Ħaż Żebbuġ. Kien ukoll il-perjodu illi matulu inqatel Raymond Caruana, attivist nazzjonalist mill-Gudja.  

Kienu wkoll is-snin li raw dimostrazzjonijiet kbar - speċjalment mill-ħaddiema tat-Tarzna, imlaqqma l-'aristokrazija tal-ħaddiem' li xi minn daqqiet spiċċaw vjolenti u li raw it-tkissir tal-Kurja, tal-Qrati, il-ħruq tal-binja tat-Times u anke t-tkissir tad-dar tal-Kap tal-Oppożizzjoni - dak iż-żmien Eddie Fenech Adami.  

Fl-1983 Mifsud Bonnici sar Ministru tal-Edukazzjoni u sena wara, f'Diċembru 1984 kien ħa post Dom Mintoff li kien irriżenja mill-kariga ta' Prim Ministru. Huwa kien l-ewwel Prim Ministru li nħatar f'din il-kariga qabel ikkontesta elezzjoni ġenerali bħala mexxej ta' partit. Warajh kien hemm ukoll Lawrence Gonzi - li kien ħa post Eddie Fenech Adami fl-2004 u Robert Abela li ħa post Joseph Muscat fl-2020.  

Is-snin li għamel Prim Ministru kien - kif diġà għidna - mmarkati minn tensjoni politika qalila kemm bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Malta Labour Party, pero' wkoll bejn il-Gvern u l-Knisja, li dak iż-żmien kienet immexxija mill-Arċisqof Ġużeppi Mercieca.  

Fl-1985 seħħ l-inċident tal-Egyptair - Hijacking li ra 60 persuna tinqatel.  

Minkejja dan Mifsud Bonnici tilef l-elezzjoni tal-1987 b'madwar 4,000 vot. Huwa baqa' Mexxej Laburista sal-elezzjoni tal-1992 li reġa' tilef b'distakk ta' madwar 13,000 vot - li sa dakinhar kien l-akbar distakk elettorali qatt miksub.  

Huwa baqa' fil-Parlament sal-1996, meta l-PL kien rebaħ l-elezzjoni u reġa' daħal fil-Gvern, anke jekk għal sentejn biss.  

Fl-2003 Karmenu Mifsud Bonnici kien ukoll parti mill-Front Maltin Inqumu u s-CNI li kkampanjaw kontra s-sħubija ta' Malta fl-UE. 

More in Politika