Karmenu ma xtaqx funeral statali... Il-familja ma tilqax talba mill-Prim Ministru għal dan

Il-Gvern, il-Partit Laburista, il-PN u anke l-Ispeaker fost dawk li jsellmu il-memorja ta' Karmenu Mifsud Bonnici 

Karmenu Mifsud Bonnici
Karmenu Mifsud Bonnici

Fi stqarrija tal-Gvern ftit tal-ħin ilu intqal illi minkejja li l-PM Robert Abela offra li jsir funeral statali għall-eks PM u eks Mexxej Laburista Karmenu Mifsud Bonnici, dan matul ħajtu kien wera' x-xewqa permezz ta’ ittra dikjaratorja li ma jsirlux dan it-tip ta’ funeral wara mewtu.

Filwaqt li l-familja ta’ Mifsud Bonnici apprezzat dan il-ġest, il-familja infurmat lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru li Mifsud Bonnici kien esprima din ix-xewqa. Il-Prim Ministru Robert Abela jirrispetta din ix-xewqa.

L-eks Prim Ministru u eks Mexxej Laburista miet kmieni dalgħodu fl-età ta' 89 sena. 

"Il-Gvern se jibqa’ jikkomunika mal-familja Mifsud Bonnici u jgħin fl-organizzazzjoni ta’ funeral skont ix-xewqat tal-eks Prim Ministru ta' Malta," temmet tgħid l-istqarrija tal-Gvern. 

Intant matul l-għodwa tal-lum hekk kif kienet tħabbret il-mewt ta' Mifsud Bonnici bdew deħlin numru ta' messaġġi ta' konfoljanzi. Il-Gvern sellem il-memorja ta' Mifsud Bonnici u qal li dan se jibqa' mfakkar għall-ħidma tiegħu bi djalogu favur l-interessi tal-ħaddiema.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li t-telfa ta’ Karmenu Mifsud Bonnici hija telfa ta’ ġentlom li tul ħajtu ta kontribut enormi favur il-kawża tal-ħaddiem, bis-sehem tiegħu fil-politika, fit-trade unions u l-professjoni tiegħu. Filwaqt li wassal il-kondoljanzi tiegħu lill-familja u l-qraba tal-eks Prim Ministru, huwa spjega kif dejjem ammira lil Dr Mifsud Bonnici għas-sens ta’ servizz li ried jagħti lejn iż-żgħir.

Abela temm jgħid li daqskemm Karmenu Mifsud Bonnici ħabb lill-ħaddiem, ħabb ukoll lil pajjiżu u għalhekk jibqa’ ta’ eżempju għal ħafna.

Intant il-Partit Laburista - separatament ukoll sellem il-memorja tal-eks Mexxej tiegħu u qal li  Mifsud Bonnici jibqa’ mfakkar għall-ideal soċjalist demokratiku "li ħaddnu b’konvinzjoni u l-mod kif iddedika ħajtu għall-ħidma favur il-klassi tal-ħaddiema." Il-Partit Laburista fakkar li  Mifsud Bonnici, bħala l-Avukat tal-General Workers’ Union ħadem spalla ma’ spalla mal-Partit Laburista ta’ Dom Mintoff fuq il-kwistjoni ta’ liġi industrijali u oppona bil-qawwa l-idea li ħaddiem jintbagħat il-ħabs għaliex jistrajkja.

U anke l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija sellem il-memorja tal-eks Prim Ministru u qal li Karmenu Mifsud Bonnici "kien bniedem li ħadem b’determinazzjoni għall-ideal li emmen fih."

More in Politika