Il-Kummissjoni Ewropea bi proċeduri kontra Malta minħabba l-wirt tal-liċenzja tal-ħaddiema tal-port

Din is-sistema kienet twaqqfet għal xi żmien sakemm il-Gvern reġa' introduċiha fl-2017 bil-Kummissjoni Ewropea tisħaq li din tikser it-Trattat ta’ Funjonalità tal-Unjoni Ewropea

Il-Kummissjoni Ewropea bdiet proċeduri kontra Malta minħabba l-prattika li l-liċenzji tal-ħaddiema tal-port għadhom jgħaddu minn ġenerazzjoni għall-oħra.

Bil-liġi preżenti, Malta għandha kwota għall-ħaddiema tal-port u f’din is-sistema, hemm skema preferenzjali għall-qraba ta’ dawk li diġà jaħdmu jew ħadmu bħala ħaddiema tal-port.

Il-Kummissjoni Ewropea kienet diġà wriet it-tħassib tagħha li l-qafas legali u regolatorju għax-xogħol fil-port f’Malta mhuwiex konformi mat-Trattat ta’ Funjonalità tal-Unjoni Ewropea, speċjalment fejn jidħol il-moviment ħieles tal-ħaddiema, fost oħrajn.

Meta Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea, il-pajjiż beda proċess biex ftit ftit iwaqqaf din is-sistema li liċenzja tgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra. Il-prattika kienet illegali fl-2017.

Madanakollu, fl-2017 u-turn tal-Gvern wasslet biex din is-sistema tidħol mill-ġdid.

Taħt l-avviż legali 135 tal-2017, ħaddiema tal-port li qabel l-10 ta’ Ġunju 1975 kellhom il-liċenzja biex jaħdmu f’ċertu oqsma fil-port, setgħu jgħaddu din il-liċenzja tagħhom lil uliedhom jew lil ħuthom.

L-istess emenda tistabbilixxi wkoll li l-ħaddiema tal-port li kellhom liċenzja simili mit-23 ta’ Ottubru 1992 jew inkella fil-perjodu bejn Ottubru 2004 u Ottubru 2017, ukoll kienu eliġibbli għall-istess sistema.

Xi ħaddiema, magħrufa bħala “casual port workers” li kienu qed joffru servizzi lil Freeport Terminals Limited, ingaġġati wara kuntratt għal servizzi bejn il-Malta Dockers’ Union u l-Freeport Terminals Limited, qed jisħqu li sofrew diskriminazzjoni għax kienu qed jitħallsu inqas minn sħabhom li huma membri fil-unjin.

Fi kliemhom, dan jikser il-prinċipju ta’ ‘Equal Pay for Equal Work’ tal-Malta Dockers’ Union stess.

Fil-fatt, l-istess ħaddiema kienu bdew proċeduri kontra l-Ministeru għat-Trasport, il-Malta  Dockers Union u anke l-Istat tal-Avukat. Huma qed jikkontestaw l-introduzzjoni tal-emenda għax fi kliemhom is-sistema qed toħloq diskriminazzjoni bejnhom u bejn ħaddiema oħra li l-liċenzja tagħhom intirtet. 

Kien dan li wassal lill-Kummissjoni Ewropea biex tibda proċeduri kontra Malta.

F’ittra mibgħuta fid-29 ta’ Settembru, il-Kummissjoni Ewropea kienet wissiet lil Malta li se tkun suġġetta għal azzjoni legali quddiem il-Qorti Ewropea għall-Ġustizzja għax naqqset milli timplimenta l-liġi tal-Unjoni Ewropea għall-ħaddiema tal-port.

More in Politika