Il-PA tagħlaq u tibda żżarma scrapyard illegali ta' 15,000 metru kwadru fix-Xewkija

Din l-iscrapyard ilha snin tiżviluppa f'żona ta' skart mormi li ma kienx immaniġġjat u li kienet qed taċċetta kull tip ta' skart, inkluż dak industrijali

L-iscrapyard kbira li llum il-PA bdiet azzjoni sabiex tingħalaq
L-iscrapyard kbira li llum il-PA bdiet azzjoni sabiex tingħalaq

Aktar kmieni llum, l-akbar żvilupp illegali f’Għawdex - scrapyard li tinsab fil-limiti tax-Xewkija - kienet suġġetta għal operazzjoni ta’ azzjoni diretta mill-Awtorità tal-Ippjanar.

L-Awtorità użat makkinarju biex tneħħi dak li huwa meqjus bħala wieħed mill-akbar siti bi żvilupp illegali f’Għawdex, li huwa mifrux fuq 15,000 metru kwadru u li jinsab tul Triq Il-Kav.

Din l-iscrap yard ilha snin tiżviluppa f'żona ta' skart mormi li ma kienx immaniġġjat u li kienet qed taċċetta kull tip ta' skart, inkluż dak industrijali.  Fi stqarrija l-Awtorità tal-Ippjanar sostniet illi s-sid ma mexiex mal-avviżi tal-infurzar li ħarġet u għalhekk illum tagħbijiet ta’ trakkijiet ta’ materjal mormi bdew jinġarru f’siti liċenzjati għall-immaniġġjar tal-iskart.

L-operazzjoni li se tkompli fil-jiem li ġejjin se tara li titneħħa għal kollox l-attività illegali u l-materjal mormi fis-sit, filwaqt li s-sit jerġa’ lura għall-istat oriġinali tiegħu.

L-Awtorità tiġbed l-attenzjoni tal-pubbliku li vetturi dilapidati u skart ieħor simili għandhom jintremew biss, b’mod responsabbli f’faċilitajiet tal-iskart liċenzjati.

More in Politika