'Qal li xi ħadd qallu illi kien hemm xi telefonati minn Kastilja... Dawn xnigħat' - Il-PM Robert Abela

Il-Prim MInistru Robert Abela jirreaġixxi għal xhieda mogħtija lbieraħ minn eżaminatur ta' TM li qal illi kien hemm okkażjonijiet fejn kienu jintalbu juru aktar ħniena ma' ċerti kandidati għax "ikollhom rabta mal-Ministru jew ma' Kastilja." 

Il-Prim Ministru Robert Abela qal illi akkużi ta' ismijiet ta' kandidati għat-test tas-sewqan li kienu qrib Ministru jew ta' Kastilja u li allegatament kienu qed jiġu imbuttati 'il quddiem biex jgħaddu mit-test, hija biss "xniegħa."

Dan wara li lbieraħ kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ ta' allegat korruzzjoni kontra tliet uffiċjali ta' Transport Malta - Clint Mansueto, l-eks Kunsillier Laburista Philip Edrick Zammit u Raul Antonio Pace. Ilbieraħ xehedu tliet eżaminaturi b'wieħed jgħid kif Mansueto kien iħeġġiħhom biex imexxu fuq ċerta kandidati u eżaminatur ieħor - Mark Tabone  - qal illi saħansitra kien hemm okkażjonijiet fejn kienu jintalbu juru aktar ħniena ma' ċerti kandidati għax "ikollhom rabta mal-Ministru jew ma' Kastilja." 

Il-Prim Ministru Abela mistoqsi minn The Times of Malta qal illi dan ix-xhud kien qed jgħid x'qallu xi ħadd u reġa' fakkar li ma hemm ebda investigazzjoni għaddejja fuq Ministri tal-Kabinett. Huwa fakkar ukoll li l-akkużi jitrattaw reati li allegatament ġraw tliet snin ilu, meta hu kien għadu mhux Prim Ministru. 

"Huwa qal li xi ħadd qallu illi kien hemm xi telefonati minn Kastilja. U dak huwa li allegatament ġara qabel ma jien sirt Prim Ministru," temm jgħid Abela. 

More in Politika