Il-PN jitlob lil Robert Abela biex 'ma jibqax jaħbi kemm kellu dħul minn ċittadini Russi'

Karol Aquilina jgħid li jekk membri tal-Gvern jibqgħu 'jaħbu l-assi mela l-PM jikkonferma li teżisti liġi għall-Allat u liġi oħra għall-annimali'

Fi stqarrija aktar kmieni illum, il-Partit Nazzjonalista talab lill-Prim Ministru Robert Abela jikkoreġi d-dikjarazzjoni tal-assi tiegħu għas-sena 2021 "u ma jibqax jaħbi kemm kellu dħul mill-kiri ta' proprjetà lil ċittadini Russi." Bl-istess mod, l-Oppożizzjoni qed tistenna lill-Prim Ministru jitlob lill-Ministru u lis-Segretarji Parlamentari biex jikkoreġu d-dikjarazzjonijiet tal-assi tagħhom u "jgħidu l-verità kollha." 

Il-Kelliem għall-Ġustizzja Karol Aquilina qal li "ħadd mhu qed jemmen" id-dikjarazzjonijiet li għamlu wħud mill-Ministri u s-Segretarji Parlamentari, li fihom qalu u ikkonfermaw bil-firma tagħhom li ma kellhom l-ebda dħul matul is-sena 2021 jew li m'għandhom l-ebda proprjetà immobbli jew investimenti.

Il-Partit jisħaq li mhux aċċettabbli li l-Ministri u s-Segretarji Parlamentari "jagħmlu dikjarazzjonijiet foloz jew dikjarazzjonijiet mhux kompluti bl-għan li jċaħħdu lill-pubbliku u lill-ġurnalisti mid-dritt tagħhom li jżommu lil min jokkupa kariga pubblika taħt skrutinju u kontabbli għall-aġir tiegħu." 

Aquilina fakkar li l-Kodiċi tal-Etika għall-Ministri u s-Segretarji Parlamentari - li hu parti mill-Att dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika - tgħid li hekk kif Ministru jingħata l-kariga għandu minnufih jagħti rendikont tal-assi u l-interessi tiegħu. Il-Kodiċi titlob ukoll li jiġi indikat kull fattur li jista' jwassal għal konflitt ta' interess. 

Fl-aħħar Aquilina qal li jekk il-membri tal-Gvern jibqgħu "jaħbu l-assi tagħhom mela l-Prim Ministru jkun qed jikkonferma dak li qal eks-Ministru tiegħu stess li f'pajjiżna teżisti liġi għall-Allat u liġi oħra għall-annimali."

More in Politika