Baġit 2023 | L-MUT b'reazzjoni pożittiva u kawta fl-istess ħin dwar il-Baġit

Tesprimi tama għad-diskussjonijiet li se jibdew f'Jannar għal ftehim kollettiv ġdid għall-għalliema

F’reazzjoni inizzjali għall-Baġit għas-sena 2023, Il-Malta Union of Teachers innotat b’sodisfazzjoni li l-Gvern għamel referenza għall-ftehim settorjali ġdid għall-edukaturi li ser jibda jiġi nnegozjat mal-MUT minn Jannar li ġej. L-MUT fakkret fil-wegħda elettorali, li issa saret il-programm tal-Gvern, għal titjib sostanzjali fis-salarji u fil-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-edukaturi. "L-MUT tħares ’il quddiem sabiex dawn in-negozjati jibdew," qalet il-unjin. 

L-istqarrrija kompliet tinnota illi filwaqt li huwa ta' sodisfazzjon li saret referenza għal-laptops għal kull student fis-sekondarja, "din il-miżura teħtieġ diskussjoni, kemm mil-lat loġistiku u kif ukoll dwar l-użu pedagoġiku ta’ dawn ir-riżorsi." Hija appellat wkoll sabiex jiġi ffinalizzat il-proċess tat-tqassim tal-laptops għall-edukaturi fl-iskejjel tal-Istat, li issa ilu għaddej numru ta’ snin. 

L-MUT laqgħet b'mod pożittiv wkoll iż-żieda li ser jingħataw il-ħaddiema tal-Gvern li jaqgħu taħt ftehim kollettiv sabiex jibbenefikaw ukoll minn żidiet, hekk kif il-COLA laħqet l-akbar ammont s’issa. 

L-unjin tal-għalliema temmet tgħid li se tkun qed tanalizza aktar fid-dettall l-estimi finanzjarji li jaffettwaw is-settur edukattiv u d-diskorsi tal-Ministeru tal-Edukazzjoni għal aktar informazzjoni. 

 

More in Politika