Ftit aktar minn 10,500 kuntratt għal xiri ta' djar residenzjali bejn Jannar u Settembru

Għawdex l-aktar li nxtrat proprjetà u l-Kottonera l-aktar li rat żieda fil-kuntratti ffirmati biex inxtraw djar residenzjali

10,516-il kuntratt iffirmat minn Jannar sa Settembru
10,516-il kuntratt iffirmat minn Jannar sa Settembru

Bejn Jannar u Settembru ta' din is-sena kienu b'kollox 10,516-il kuntratt li saru għal xiri ta' djar residenzjali. F'Settembru - skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika - ġew irreġistrati 1,016-il kuntratt, li fil-fatt huwa l-inqas numru meta wieħed jħares lejn iċ-ċifri xahar b'xahar. Fil-fatt l-aktar xahar illi matulu ġew irreġistrati kuntratti kien f'Lulju, b'1,268 kuntratt. Is-sena l-oħra kienu saru b'kollox 14,368 kuntratt filwaqt li fl-2020 kienu saru 11,057 kuntratt għal xiri ta' proprjetà residenzjali. 

Dawn il-kuntratti b'kollox jgħoddu għal valur totali ta' €2.36 biljun, b'€750.6 miljun fl-ewwel kwart tas-sena, €786.9 fit-tieni kwart u finalment €826.1 miljun f'dan l-aħħar kwart (Lulju sa Settembru). 

“Fit-tielet kwart tas-sena kien Għawdex l-aktar żona tal-pajjiż li fih ġew irreġistrati kuntratti ta’ xiri ta’ proprjeta’ b’total ta’ 552. Iż-żoni ta’ Birkirkara/San Ġwann/L-Imsida/Ta’ Xbiex/Il-Gżira l-aktar reġjun f’Malta illi fihom inxtrat proprjeta’, b’total ta’ 425 kuntratt, segwiti minn 414-il kuntratt fil-lokalitajiet ta’ Marsaskala, Marsaxlokk, Birżebbuġa, iż-Żejtun, ix-Xgħajra u Ħaż Żabbar. L-inqas numru ta’ kuntratti li ġew irreġistrati kienu fiż-żoni tal-Birgu, l-Isla, Bormla u l-Kalkara fejn ġew iffirmati biss 63-il kuntratt”.

L-akbar żieda fil-bejgħ/xiri ta' proprjetà meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra kien iżda fil-Kottonera, li esperjenzat 21.2% aktar kuntratti. Minn naħa l-oħra ż-żoni li jinkludu lil Ħal Balzan u Ħ'Attard hija l-aktar parti li esperjenzat tnaqqis fil-kuntratti meta mqabbel mas-sena l-oħra (-32.2%). 

Intant f'dak li jirrigwarda konvenji b'kollox saru 2,847 fit-tielet kwart tas-sena, ftit inqas mit-tliet xhur ta' qabel meta ġew irreġistrati  3,233 konvenju. 

More in Politika