'Dak li ma jridx jagħmel il-Gvern se jagħmlu l-Partit Nazzjonalista'

Il-PN iniedi konsultazzjoni pubblika dwar il-protezzjoni tal-ġurnalisti u d-dritt għall-informazzjoni

"Minflok sema' mill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IGM), il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard, bil-barka tal-Prim Ministru Robert Abela, baqa' għaddej bil-pjan tiegħu u lbieraħ ippubblika tliet abbozzi ta' liġijiet fil-Gazzetta tal-Gvern u poġġihom fuq il-medja tal-Kamra biex il-ġimgħa d-dieħla jkun jista' jġiegħel lill-Parlament jiddiskutihom." Hekk qal il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija, hekk kif ħabbar li se jniedi konsultazzjoni pubblika dwar il-protezzjoni tal-midja u l-ġurnalisti u d-dritt għall-informazzjoni f'pajjiżna. 

Il-Partit saħaq li l-Gvern qiegħed iressaq dawn l-abbozzi mingħajr ma' għamel ebda konsultazzjoni pubblika dwar il-protezzjoni tal-ġurnalisti u li dawn saru bil-moħbi. Għaldaqstant jemmen li, "dan juri li l-Gvern beħsiebu jkompli jipprova joħnoq il-libertà tal-espressjoni u d-dritt għall-informazzjoni." 

Għaldaqstant il-Partit saħaq li huwa għalhekk li se jniedi din il-konsultazzjoni u li "dak li ma jridx jagħmel il-Gvern, se jagħmlu l-Partit Nazzjonalista." Ħabbar li bħala partit se jkun qiegħed jiltaqa' ma' dawk kollha li għandhom sehem fis-settur tal-midja, mar-rappreżentanti tal-ġurnalisti, mal-ġurnalisti nfushom u mas-soċjetà ċivili b'mod ġenerali. 

Intant il-Kelliem għall-Ġustizzja Karol Aquilina u l-Kelliem għal-Libertajiet Ċivili, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda kontra d-Dijabete Claudette Buttigieg saħqu li din il-konsultazzjoni pubblika għandha twassal biex fil-Parlament il-PN jippreżenta l-emendi kollha meħtieġa biex il-liġijiet ta' pajjiżna jibdew joffru protezzjoni akbar lill-midja u lill-ġurnalisti u jissaħħaħ id-dritt għall-informazzjoni f'pajjiżna. 

Il-PN qiegħed jistieden lil kull min hu interessat biex jipparteċipa f'din il-konsultazzjoni pubblika billi jibgħat il-kummenti u s-suġġerimenti tiegħu permezz tal-email fuq: [email protected] jew bil-posta fl-indirizz: Konsultazzjoni dwar il-Midja - Dar Ċentrali P.N., Triq Herbert Ganado, Tal-Pietà PTA 1450. 

More in Politika