'Għandna Gvern ħafna minnu mitluf f'koma u Oppożizzjoni mitlufa bla direzzjoni' - Evarist Bartolo

Bartolo qal dan b'referenza għas-sondaġġ ppubblikat ilbieraħ fuq il-gazzetta ILLUM u li wera kif il-maġġoranza tal-poplu Malti, b'mod partikolari l-votanti Nazzjonalisti, xebgħu mill-partiti l-kbar u jridu li jkun hemm partit ġdid

L-eks Ministru Laburista Evarist Bartolo insista li s-sitwazzjoni politika f'Malta mhijiex tajba u llum hija kkaraterizzata min-nuqqas ta' enerġija.

Bartolo qal dan b'referenza għas-sondaġġ ppubblikat ilbieraħ fuq il-gazzetta ILLUM u li wera kif il-maġġoranza assoluta tal-poplu Malti, b'mod partikolari l-votanti Nazzjonalisti, xebgħu mill-partiti l-kbar u jridu li jkun hemm partit ġdid.

"Ħafna mis-saħħa tal-Partit Laburista ġejja mid-dgħufija tal-Partit Nazzjonalista," kiteb Bartolo. Insista li l-Partit Nazzjonalista jinsab "f'deżert" fejn la jaf għaliex jeżisti u lanqas għandu idea ta' kif jista' jmexxi lil Malta 'l quddiem.

Fi kliemu, dan wassal biex il-Partit Laburista jista' jserraħ rasu li mhux se jitlef lanqas l-elezzjoni li ġejja, anke jekk jitlef il-voti jew inkun hemm aktar nies li jibqgħu d-dar u ma jivvotawx.

"Mhu tajjeb xejn ghal Malta li għandna Gvern ħafna minnu mitluf f’koma u oppożizzjoni mitlufa bla direzzjoni. Għandna politika qisha ħuġġieġa mitfija ta’ ħatab imxarrab, b’xi fjamma ħajja ‘l hawn u ‘l hemm," kiteb Bartolo. "Mhux tajjeb li l-politika tkun arena ta’ gladjaturi imma lanqas m’għandha tkun ballu ta’ zombies."

Insista li jekk il-pajjiż se jibqa' staġnat kif inhu u jgħum fl-istess roqgħa ilma, se jmur lura.

"Kulma ksibna jista’ jintilef jekk ma niġġeddux u ninbidlu u nqumu fuq tagħna b’enerġija u ffukati b’intelliġenza u naħdmu b’entużjazmu, bil-għaqal u bil-ħsieb f’dinja li qed tkompli tinbidel."

 

More in Politika