L-HSBC kien staqsa lil Dun Luke jekk kienx vittma ta' scam meta nnota pagamenti għall-pornografija

Dun Luke Seguna qed iwaħħal fil-pandemija u fi proġetti li għamel il-Kappillan ta' qablu għat-tnaqqis fil-fondi tal-parroċċa ta' Marsaxlokk

L-eks Kappillan ta’ Marsaxlokk, Dun Luke Seguna, kien ikkuntattjat mill-bank wara pagamenti li dehru f’ismu lil siti pornografiċi, hekk kif il-bank ħaseb li dan kien riżultat ta’ xi scam.

Dan ħareġ illum fil-Qorti hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra s-saċerdot li qed ikun akkużat b’ħasil ta’ flus u anke frodi, akkużi li hu qed jiċħad kategorikament.

Waqt is-seduta tal-lum, ħareġ li l-HSBC kien bagħat għal Seguna biex jistaqsih jekk kienx vittma ta’ xi scam wara li l-bank innota li saru xi pagamenti mill-kont tiegħu lil siti pornografiċi.

Jidher li Seguna informa lill-bank li kien jaf b’dawn it-tranżazzjonijiet.

Dun Luke ikkopera mal-Pulizija meta marru biex jarrestawh

L-Ispettur Lianne Bonello, li qed tmexxi l-prosekuzzjoni, xehdet dalgħodu u tat id-dettalji tal-arrest tas-saċerdot.

Bonnello spjegat kif fl-10 ta’Awwissu, il-Pulizija arrestat lil Seguna fir-residenza tal-Kappillan f’Marsaxlokk. Huwa ta lill-Pulizija l-password tal-laptop u anke tal-mowbajl tiegħu li ġew ikkonfiskati.

Il-Pulizija kkonfiskat ukoll xi oġġetti tal-ġojjellerija, arloġġi u ħwejjeġ tad-ditta u saret tfittxija fil-karozza tal-kappillan, il-garaxx u anke l-uffiċċju parrokjali.

Bonnello qalet li kienet preżenti għat-tieni interrogazzjoni ta’ Seguna li fiha eżerċita d-dritt li jibqa’ sieket.

Id-Difiża tistaqsi għaliex f'dan il-każ ma saritx inkjesta bħalma normalment isir

L-Avukat Alex Scerri Herrera, li huwa parti mit-tim tad-Difiża, staqsa lill-Ispettur jekk dwar il-każ infetħitx inkjesta. Hija qalet li l-każ huwa bbażat fuq ix-xogħol tal-Pulizija, iżda l-Avukat reġa’ staqsa għaliex dwar il-każ ma kienx hemm inkjesta kif isir f’każi oħra simili.

“Jiena mhux se nikkumpara dan il-każ ma’ każi oħra,” insista.

L-Ispettur Christopher Ellul kien it-tieni xhud tal-lum. Huwa qal kif id-dikjarazzjoni tad-dħul bejn l-2016 u l-2021 kienet tikkorispondi mal-paga li Dun Luke jirċievi mill-Arċidjoċesi. Madanakollu kien innotat li d-dħul totali tiegħu kien €487,511.

Qal li madwar €200,000 minn dan l-ammont kienu depożiti u €130,000 kienu cheques.

Spjega kif Seguna kien jikteb id-dati fuq dawn iċ-cheques bin-numri Rumani, prattika li dehret ukoll f’cheques li ħarġu mingħand żewġ persuni oħra li taw flus lil Seguna. L-investigazzjoni sabet li wieħed minn dawn iż-żewġ persuni kellu d-dimensja. Kien hemm ukoll xi diskrepanzi fil-firem.

Dun Luke kien jistaqsi direttament lid-donaturi jekk il-flus kinux għalih jew il-parroċċa

Il-kuntistabbli li kien preżenti għall-ewwel interrogazzjoni qal li Dun Luke wieġeb li hu kien jistaqsi direttament lid-donaturi jekk il-flus kinux għalih personali jew inkella għall-knisja.

Madanakollu, meta mistoqsi mill-Pulizija kemm ħareġ flus għal raġunijiet ta’ karità, Dun Luke ma kienx f’pożizzjoni li jwieġeb.

Qal li tweġibiet simili ngħataw mis-saċerdot meta mistoqsi jiġġustifika l-flus li għaddew mill-kont tal-parroċċa għall-kont tiegħu personali. 

Meta mistoqsi aktar dwar dan, Dun Luke baqa’ sieket. Qal biss li kien se jiċċekja minn kellu aċċess għall-kont personali tiegħu tal-HSBC u anke l-kont ta’ Revolut.

Seguna weħħel ukoll fil-pandemija u anke proġetti li wettaq il-Kappillan ta’ qablu għat-tnaqqis fil-fondi tal-parroċċi. Madanakollu, il-kuntistabbli qal lill-Qorti li t-tnaqqis kien diġà rreġistrat fl-2017, tliet snin qabel il-pandemija.

Il-każ se jkompli fl-24 ta’ Ottubru. 

More in Politika