Analiżi | Rigali, lobbying, dikjarazzjoni tal-assi u xogħol part time... x'inhu meqjus etiku u x'mhux għad-Deputati tagħna?

Din il-ġimgħa jiftaħ mill-ġdid il-Parlament. Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn ir-rapport tal-Kamra tal-Kummerċ illi fih, b'mod estensiv, tevalwa, tidduskuti u tipproponi dak li tħoss illi għandu jsir biex il-Parlament isir aktar kontabbli, trasparenti u etiku... 

Hekk kif ilbieraħ reġa' fetaħ mill-ġdid il-Parlament, din il-gazzetta tat ħarsa estensiva lejn numru ta' proposti magħmulin minn entitajiet differenti li jitrattaw lid-Deputati li teleġġu intom. Kemm il-Kamra tal-Kummerċ u anke l-Kummissarju tal-Istandards, din il-ġimgħa, għamlu numru ta' proposti li jitrattaw l-etika, trasparenza u kontabilità tad-Deputati Maltin.  

Persuni li jiddeċiedu illi jkunu kandidati għall-elezzjoni għandhom ikunu mħarrġin fl-imġieba etika, filwaqt li l-Parlament għandu jintroduċi taħriġ etiku strutturat u li jkun mandatorju b'mod annwali. Hekk qed tipproponi l-Kamra tal-Kummerċ li tisħaq illi hemm bżonn li l-Parlament jieħu pass 'il quddiem sabiex jintroduċi "kultura ta' integrità u professjonaliżmu fost dawk in-nies li jixtiequ illi jirrealizzaw il-vokazzjoni politika tagħhom."  

Il-Kamra tal-Kummerċ ipproponiet ukoll li l-partiti jirċievu iffinanzjar mill-Istat sabiex ikun jista' jsir dan it-taħriġ partikolari.  

"Meta d-Deputati jżommu ma' standards għoljin etiċi l-pubbliku jkun jista' jara kif qed jittieħdu d-deċiżjonijiet u min u x'inhu dak li qed jinfluwenza l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Aktar kontabilità tfisser demokrazija aktar b'saħħitha u parteċipattiva," tfakkar il-Kamra tal-Kummerċ, fir-rapport li sar minn David Spiteri Gingell.  

Iddikjara dawk l-assi, dħul u tmexxija ta' kumpaniji! 

Imma r-rapport ma jiqafx biss ma' taħriġ dwar imġieba etika għall-Membri Parlamentari u jagħmel proposti dwar oqsma u relatajiet oħrajn li jitrattaw id-Deputati, fosthom dwar il-famuża dikjarazzjoni tal-assi.  

Id-Deputati huma obbligati li jiddikjaraw l-assi, id-dħul, il-proprjetajiet u aktar li huwa tagħhom u l-għan prinċipali mhuwiex biex ikun hemm min jaqta' l-kurżità ta' x'għandu dak u x'għandha l-oħra, iżda sabiex il-ġid li jkollu politiku jkun spjegat u trasparenti sabiex imbagħad ikun il-poplu u l-Parlament li jiddeċiedu d-dħul ta' politiku jirriflettix fl-assi li għandu u anke f'dak li għandu mġemma l-bank. Jew inkella jekk politiku għandux djun kbar, li ma jħalluhx jopera finanzjarjament.  

Matul is-snin kellna diversi każi ta' Deputati li spiċċaw f'kontroversji għax ma ddikjarawx dħul li kellhom fid-Dikjarazzjoni tal-Assi. Fost l-aktar każi magħrufin hemm dak tal-Kontijiet f'banek Żvizzeri ta' tliet eks Ministri Nazzjonalisti: Austin Gatt (li qal li "nesa" dan il-kont), Michael Falzon u Ninu Zammit u magħhom jingħaqdu - iktar riċentement - Konrad Mizzi, li "nesa" jiddikjara l-kont tal-kumpanija fil-Panama li kien fetaħ! Kellna wkoll il-każ riċenti tad-Deputat kurrenti Rosianne Cutajar u dħul minn senserija ta' proprjetà li kienet se tinbigħ lil Yorgen Fenech, li kienet akkużata illi ma inkludietx fid-dikjarazzjoni tal-Assi.  

Il-Kamra tal-Kummerċ qed tipproponi li jkun hemm sistema ġdida ta' kif id-Deputati jikxfu x'assi għandhom u qed tipproponi li dan ikun juri kull proprjetà, kull ass li għandu deputat inkluż karozzi jew dgħajjes, dħul minn salarji u benefiċċji, kirjiet, dividends, konsulenzi u dħul ieħor, kif ukoll kull pożizzjoni li jista' jkollu bħala direttur, segretarju ta' bord jew konsulent legali tal-kumpanija fejn huwa impjegat jew inkella fejn huwa shareholder.  

F'eku tal-każ riċenti ta' artefatt storiku minn żmien meta Malta kienet taħt l-Imperu Brittaniku fid-dar tal-Ministru Anton Refalo, il-Kamra tal-Kummerċ qalet illi assi bħal oġġetti ta' kollezzjonijiet u wirt storiku, flimkien ma' metalli prezzjużi li jkollu deputat ukoll iridu jkunu ddikjarati.  

Il-Ministru Anton Refalo
Il-Ministru Anton Refalo

Il-Kamra tal-Kummerċ qed tipproponi wkoll li jkunu  iddikjarati rigali li deputat ikun irċieva, mingħand min u stima tal-valur ta' dak l-istess rigal.  

F'dawn l-aħħar snin smajna u ddiskutejna diversi istanzi ta' rigali lill-politiċi. Fost l-aktar "ċelebri" kellna l-każ tal-inbid Petrus mingħand Yorgen Fenech lill-eks PM Joseph Muscat. Il-Kummissarju tal-Istandards kien sab li dan il-każ kien ksur tal-etika parlamentari.  

Lura għal qabel l-2013 kien hemm il-każ tal-eks Ministru tal-Finanzi Tonio Fenech li kien ingħata arloġġ magħruf bħala tal-Lira mingħand George Farrugia, li kien imdaħħal fil-kontroverja tax-xiri taż-żejt. Fenech kien spiċċa f'kontroversja wkoll wara li kien mar jara logħba taċ-Champions League ma' George Fenech u Joe Gasan.   

Naturalment dawn huma l-każi li għamlu l-aktar ħoss, għax min jaf kemm hemm iktar każi li baqgħu dejjem taħt it-tapit.  

'Ikxef, imbarazza... u mmulta' 

Ma nużawhiex wisq fil-Malti, imma bl-Ingliż ngħiduha: 'Name and shame!' 

Hekk qed tipproponi li għandu jagħmel il-Kummissarju tal-Istandards il-Kamra tal-Kummerċ lil dawk id-Deputati li ma jiddikjarawx l-assi tagħhom fl-ewwel erba' xhur tas-sena. Aktar minn hekk, qed tipproponi wkoll li jekk Deputat jibqa' ma jiddikjarax għandu jiġi ssanzjonat permezz ta' multa, liema multa tiżdied b'1% fl-aħħar ta' kull xahar.  

Anke l-familja u t-tfal iridu jiddikjaraw l-assi... 

Imma mhux biss. Il-Kamra tal-Kummerċ qalet illi ma taqbilx ma' bidla fil-liġi sabiex membri tal-familja ma jkollhomx għalfejn jiddikjaraw l-assi tagħhom u qed tinsisti li l-mara/raġel jew sieħeb/sieħba - kemm jekk koabitati jew anke jekk f'unjoni ċivili, tfal, ġenitur u aħwa tal-politiku għandhom jiddikjaraw l-assi wkoll! 

Naturalment u probabbilment din tidher bħala l-aktar proposta kontroversjali u radikali fir-rapport - hekk kif ħafna jistgħu jikkonkludu li miżura bħal din twassal biex tikser id-drittijiet tal-privatezza ta' persuna, speċjalment ta' xi ħadd li ma għażilx li jkun persuna pubblika.  

Din il-proposta tiġi fid-dawl ukoll ta' każi differenti ta' politiċi jew persuni esposti politikament li tefgħu negozji jew applikazzjonijiet għal permessi fuq isem qarib jew membru tal-familja tagħhom. L-aktar riċenti ikun il-każ ta' Keith Schembri - eks Chief of Staff f'Kastilja - hekk kif missieru Alfio kien iffirma diversi dokumenti li ma kienx jaf eżattament x'kien fihom. Kienu dokumenti b'tranżazzjonijiet, statements tal-bank u pagi.  

Biex iżda tirrispondi għal din il-kritika l-Kamra tal-Kummerċ sostniet illi filwaqt li d-dikjarazzjoni tal-assi ta' Ministru għandha tkun pubblika - dik tal-familja, qraba, tfal u aħwa ma għandhiex tkun fid-dominju pubbliku. Minflok ikun biss l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Istandards li jkollu aċċess għal din l-informazzjoni.  

24 siegħa ċans biex tiddikjara kunflitt ta' interess! 

Ir-rapport in kwistjoni jidħol ukoll fuq il-kwistjoni ta' kunflitt ta' interess, xi ħaġa li mhux l-ewwel darba illi smajniha fejn jirrigwarda politiċi. Il-mistoqsija, kważi eterna, ta' jekk impjieg oltrè mill-ħidma parlamentari jaffetwax id-deċiżjoni u l-imġieba ta' Deputat.  

Dan l-aħħar tqajmu mistoqsijiet dwar id-Deputat Nazzjonalista Joe Giglio li kien l-avukat tal-Bank Pilatus kontra Maria Efimova, il-mara wara l-allegazzjoni Egrant. Giglio għadda ġudizzju dwarha, għall-ilmenti u kritika ta' bosta li hu kellu kunflitt ta' interess favur il-Pilatus u kontra Efimova u allura mhuwiex kredibbli fuq dan il-punt.  

Ir-rapport isemmi wkoll lill-eks PM Joseph Muscat u l-fatt li wara li rriżenja minn Prim Ministru - imma meta kien għadu xorta Deputat - kien daħal f'xogħol ta' konsulenza ma' Accutor AG, liema kumpanija kienet irċeviet miljuni mingħand il-VGH/Steward Healthcare, meta hu kien Prim Ministru.  

Imma allura Deputat x'jista' jaħdem? Kif se jkollu impjieg - f'dan il-pajiż hekk żgħir - li jaċċerta illi ma jkollux, jew inaqqas mill-possibilità ta' kunflitt?  

Ir-rapport jibda billi jgħid li l-Kummissarju tal-Istandards għandu jippermetti elenku ta' impjiegi għal Deputati, fosthom, ta' lekċerer f'istituzzjoni edukattiva, li jirċievi dħul minn royalties li jkunu ġejjinn minn xogħol letterarju (mhux ġurnalistiku), pożizzjonijiet part time f'istituzzjonijiet ta' xjenza jew inkella li jkunu parti minn panels ta' għażla.  

Minn naħa  l-oħra l-Kamra tal-Kummerċ tisħaq li hemm elenku ta' impjiegi li d-Deputati ma għandhomx jokkupaw jekk ma jridux li jkun hemm kunflitt ta' interess jew inkella l-perċezzjoni pubblika ta' dan il-kunflitt.  

Deputati ma għandhomx jokkupaw pożizzjonijiet, ikunu konsulenti jew imexxu entitajiet tal-Gvern - xi ħaġa li fil-fatt ġiet ikkritikata minn bosta bnadi hekk kif deputati spiċċaw imexxu awtoritajiet tal-Gvern. Fost dawn kien il-Kummissarju tal-Istandards stess li f'rapport fl-2019 sostna illi ħatriet bħal dawn iwasslu għal kunflitt ta' interess u ksur etiku minħabba li dawn il-ħatriet "jdgħajjfu l-irwol tal-Parlament, imorru kontra l-prinċipji tal-Kostituzzjoni, jiksru l-kodiċi tal-ħaddiema fis-settur pubbliku u jpoġġu l-irwol ta' Deputat Parlamentari f'sitwazzjoni illi fiha jiddependi mill-Gvern għad-dħul. Dan inaqqas mill-indipendenza tad-Deputat, jippolitiċizza l-entitajiet governattivi u jimmina mill-indipendenza tal-Gvern," kien sostna l-Kummissarju għall-Istandards George Hyzler.  

Il-proposti jgħidu wkoll li Deputati ma għandhomx ikunu Segretarji Parlamentari, f'eku wkoll ta' deċiżjoni li kienet ittieħdet mil-eks PM Lawrence Gonzi meta kien ħatar numru ta' backbenchers tiegħu bħala Assistenti Parlamentari fi ħdan Ministeri differenti - xi ħaġa li kien akkużat illi għamel sabiex jikkalma ir-ribelljoni interna li kien hemm speċjalment mid-Deputati Jeffrey Pullicino Orlando, Franco Debono u b'inqas intensità imma xorta minn Jean Pierre Farrugia u Jesmond Mugliette.  

L-istess intqal dwar tmexxija ta' awtoritajiet governattivi, bil-Kamra tal-Kummerċ tgħid li deputati ma għandhomx jokkupaw tali pożizzjonijiet, xi ħaġa li mill-ġdid rajna f'diversi okkażjonijiet (Gonzi ħatar lil Pullicino Orlando bħala Chairman tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija u Muscat ħatar lid-Deputat u eks Ministru Manuel Mallia Chairman tal-OHSA). 

Naturalment ma' dan kollu tqum il-mistoqsija li ilha tkun mistoqsija iżda li sa issa għadu ma sar xejn dwarha: Id-Deputati Maltin għandhom ikunu full-time? Jew inkella għandu jkollhom l-għażla jekk ikunu full time jew part time?  

Hu x'inhu, il-Kamra tal-Kummerċ qed tesiġi li Deputat għandu dejjem jiddikjara kunflitt ta' interess fuq suġġett sa 24 siegħa wara li titħabbar l-aġenda Parlamentari jew inkella f'każ ta' dibattitu li ma jkunx ippjanat għandu jiddikjara dak il-kunflitt mill-ewwel fi Standing Order.  

Jekk dan ma jsirx il-proposta tgħid li d-Deputat għandu jkun issanzjonat bl-eħrex mod possibbli.  

Ma' min iltqajt? Lobbying... 

U finalment il-Kamra tal-Kummerċ fil-proposti tagħha qed tisħaq li għandu jkun hemm trasparenza sħiħa f'dak li jinvolvi l-lobbying - jiġifieri l-eżerċizzju li permezz tiegħu organizzazzjoni, assoċjazzjoni, għaqda jew kwalunkwe grupp ta' nies jipprovaw jikkonvinċu lil politiku biex jilleġiżla favur jew kontra xi ħaġa.  

Filwaqt li l-lobbying huwa eżerċizzju normali, demokratiku u leġittimu ġieli intuża għal skopijiet ħżiena, kif rajna sew fil-każ tal-allegat tixħim fil-projbizzjoni tat-tabakk snus u li fiċ-ċentru tiegħu kien hemm l-eks Ministru u eks Kummissarju Ewropew John Dalli.  

Ir-rapport isemmi wkoll il-preżenza tal-eks PM Joseph Muscat f'laqgħa bejn Steward Healthcare u l-PM Robert Abela kif ukoll l-istqarrija tal-iżviluppatur Joe Portelli li qal illi jiltaqa' ma' diversi politiċi sabiex jipproponi proġetti ta' ċerta kobor.  

Il-Kamra tal-Kummerċ qed tipproponi li jsir Reġistru li fih kull Deputat u anke Ministru jikteb l-isem ta' kull persuna jew għaqda li jkun iltaqa' magħha għal skopijiet ta' lobbying. Dan għandu jsir 24 siegħa wara l-laqgħa innifisha, bir-reġistru jkun faċilment aċċessibbli. 

More in Politika