Il-Prim Imħallef jappella għal żieda fil-membri tal-ġudikatura biex jonqos id-dewmien f'ċertu każi

Jinsisti li l-Maġistrati li jaħdmu fuq każi ta' ħasil ta' flus għandhom pressjoni kbira f'xogħolhom; Jisħaq ukoll li hemm bżonn investiment f'binjiet oħra biex ċertu qrati jimxu mill-binja prinċipali

Ritratti: James Bianchi
Ritratti: James Bianchi

Id-dewmien fil-Qorti u anke n-nuqqas ta’ riżorsi kienu l-aktar żewġ punti ta’ tħassib li tkellmu dwarhom kemm il-Prim Imħallef u anke l-Kamra tal-Avukati hekk kif illum infetħet is-Sena Forensi.

Waqt ċerimonja annwali, il-Prim Imħallef Mark Chetcuti u anke l-Viċi President tal-Kamra tal-Avukati, Stephen Tonna Lowell, tkellmu dwar sfidi li l-membri tal-ġudikatura u anke dawk fil-professjoni legali, ikollhom iħabbtu wiċċhom magħhom ta’ kuljum.

Tonna Lowell fakkar li l-professjoni legali hija l-uniku professjoni tradizzjonali li mhijiex irregolata bil-liġi, bħalma huma l-professjonijiet l-oħra, bħat-tobba, in-nutara, l-edukaturi u oħrajn.

Fi kliemu, huwa fl-interess pubbliku li jkun hemm struttura regolatorja għal din il-professjoni.

Tkellem dwar il-proċedura tal-kumpilazzjoni tal-evidenza li ħafna drabi tispiċċa tiġġebbed għal ħafna xhur jekk mhux snin. Qal li din il-proċedura hija neċessarja għax il-partijiet kollha jkunu jistgħu jagħmlu skrutinju tal-evidenza.

Qal li l-Kamra tixtieq li din il-proċedura tkun indirizzata aħjar biex il-Qorti tal-Maġistrati jkollha aċċess għall-atti tal-proċedura u anke biex ikun hemm seduti aktar regolari.

'Id-dewmien huwa l-akbar sfida li għandhom il-qrati'

Min-naħa tiegħu, il-Prim Imħallef tkellem fit-tul dwar miżuri li għandhom jittieħdu biex il-ġudikatura tissaħħaħ. Insista li d-dewmien esaġerat huwa l-akbar sfida li għandhom il-qrati.

Innota kif fil-Qorti tal-Appell tal-Familja, il-Qorti Kostituzzjonali u l-Bord għar-Reviżjoni tal-Kuntratti Pubbliċi, fost oħrajn, dan id-dewmien ma jeżistix.

Kien hawn li saħaq li l-problema tinsab fiċ-ċivil, hekk kif l-appelli għadhom iridu jinstemgħu mill-Qorti.

Fi kliemu, jekk imqar ikun hemm żewġ ġudikanti oħra fil-Qorti tal-Appell, l-affarijiet jistgħu jitranġaw.

'Hemm bżonn Maġistrat ieħor biex jisma' l-każi ta' vjolenza domestika'

Insista wkoll li għandhom jinħatru minn tal-inqas żewġ maġistrati oħra u li wieħed minnhom jisma’ l-każijiet ta’ vjolenza domestika.

Saħaq li bis-sitwazzjoni preżenti, huwa impossibbli biex Maġistrat jisma’ u jiddeċiedi dwar il-każi li jkollu taħt idejh, fi żmien qasir.

Il-Prim Imħallef
Il-Prim Imħallef

'Il-Maġistrati li jaħdmu fuq każi ta' ħasil ta' flus qed isibuha diffiċli biex ilaħħqu'

Qal ukoll li ż-żewġ maġistrati li qed jaħdmu fuq każi ta’ ħasil ta’ flus ukoll qed isibuha diffiċli biex iżommu kemm mal-volum tax-xogħol u anke mal-kumplessità tal-każi.

“Għalhekk hemm bżonn maġistrat ieħor biex jgħinhom,” insista l-Prim Imħallef.

Anke l-Bord Regolatorju dwar il-kera qed jiffaċċja l-problemi. Il-Prim Imħallef spjega kif wara l-aħħar emendi legali, din is-sena, kien hemm ‘il fuq minn 1,000 talba minn sidien li jridu żieda fil-kera li jħallsu l-inkwilini.

Qal li jekk dawn il-każi ma jibqgħux jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Bord, imma jinstemgħu quddiem tribunal speċjalizzat, is-sitwazzjoni tkun ħafna aħjar u tonqos il-pressjoni fuq il-Maġistrati li quddiemhom qed jidhru dawn il-każi.

'Investi f'binjiet oħra fil-Belt u fil-viċin ...'

Tkellem dwar l-ispazju u qal li ma jagħmilx sens li jiżdiedu l-awli mingħajr ma jiżdiedu l-aċċess u l-aċċessibbilità. Irrakkomanda li l-Gvern jinvesti f’binjiet oħra fil-Belt u fil-viċin biex ċertu kompetenzi tal-Qorti jimxu lil hinn mill-binja prinċipali.

Fi kliemu, il-qrati kummerċjali, kriminali u dawk tal-familja jistgħu faċilment jimxu.

“Mhux l-ewwel darba li ltqajt ma’ nies jistennew fi Strada Stretta biex jidħlu quddiem il-Qorti tal-familja, għax il-binja hija żgħira wisq u l-kurituri dojoq wisq biex jakkomodaw ċertu numru ta’ persuni,” kompla jisħaq il-Prim Imħallef.

Għaċ-ċerimonja attenda l-President George Vella, l-Ispeaker Anġlu Farrugia, il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.

More in Politika