BirdLife u Din l-Art Ħelwa joġġezzjonaw għall-iżvilupp ta' lukanda f'sit ta' importanza ekoloġika

L-iżvilupp propost għall-bini mill-ġdid tal-lukanda Festeval fil-Mellieħa jinkludi lukanda ġdida ta’ ħames sulari bil-pixxina, ristoranti, parkeġġ u diversi faċilitajiet oħra fi ħdan is-sit Natura 2000

BirdLife Malta u Din l-Art Ħelwa, iż-żewġ organizzazzjonijiet responsabbli mit-tmexxija tar-Riserva Naturali Foresta 2000, ressqu oġġezzjonijiet separati quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar b’rabta ma’ applikazzjoni li għandha l-għan li tiżviluppa mill-ġdid is-sit ta’ dik li kienet il-Lukanda Festaval fil-Mellieħa. 

L-applikazzjoni tipproponi l-iżvilupp ta’ lukanda ġdida ta’ ħames sulari bil-pixxina, ristoranti, parkeġġ u diversi faċilitajiet oħra fi ħdan is-sit Natura 2000 magħruf bħala “L-Inħawi tal- Għadira.”

BirdLife Malta qed tfakkar li s-sit  kien skedat mill-MEPA fl-2006 bħala Sit ta’ Interess Xjentifiku f’Livell 1 u Żona ta’ Importanza Ekoloġika f’Livell 2, waqt li ż-żona tinsab fil-konfini ta’ sit Natura 2000 u Santwarju tal-Għasafar. 

Mill-2003 lil hawn, medda art kbira bejn it-Torri l- Aħmar u r-Riserva Naturali tal-Għadira kienet iddedikata għat-twettiq tal-proġett ta’ afforestazzjoni Foresta 2000 li wassal biex inħoloq mill-ġdid bosk b’ħabitat Mediterranju. 

Din l-Art Ħelwa min- naħa tagħha oġġezzjonat għat-tentattivi biex ikun iġġustifikat l-iżvilupp ta’ lukanda ta’ ħames sulari fi ħdan dan is-sit ambjentalment sensittiv fuq il-bażi ta’ żvilupp mis-snin sittin, li ilu abbandunat minn dakinhar, b’mod partikolari minħabba li minn dak iż-żmien ’l hawn il-post ġie kklassifikat bħala sit Natura 2000. 

Iż-żewġ organizzazzjonijiet insistew li l-iżvilupp propost ta’ lukanda jhedded b’mod dirett il-valur ekoloġiku, rikreattiv u edukattiv li joffri dan is-sit. 

Fil-fatt, fl-aħħar snin, BirdLife Malta mexxiet diversi żjarat iggwidati għall- iskejjel f’dan il-post li joffru esperjenza unika ta’ tagħlim ibbażat fuq in- natura. Is-sit hu miftuħ ukoll għall-pubbliku s-sena kollha, 24 siegħa kuljum, u huwa mekka għal dawk li jħobbu l-mixi, għat-turisti u għar-residenti tal-Mellieħa. 

Fl-oġġezzjoni tagħha lill-Awtorità tal-Ippjanar, BirdLife Malta appellat ukoll lill-iżviluppaturi u lill-periti ta’ l-applikazzjoni biex jiżguraw li s-sit jiġi restawrat b’mod li jilħaq il-potenzjal naturali sħiħ tiegħu, b’mod li jittejjeb dan l-uniku spazju miftuħ fil-Mellieħa.

Għaqdiet ambjentali oħrajn bħal Friends of the Earth Malta (FoE Malta), The Ramblers’ Association of Malta u Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA) ukoll ressqu l-oġġezzjonijiet tagħhom.

More in Politika