'L-uniku interess tal-Gvern Laburista huwa kif ta' ġewwa se jħaxxnu buthom' - Grech

Il-Partit Nazzjonalista organizza protesta fil-Belt Valletta kontra dak li ddeskriva bħala "serq tal-kwalità tal-ħajja tal-poplu"

Il-Kap tal-PN Bernard Grech waqt il-protesta
Il-Kap tal-PN Bernard Grech waqt il-protesta

Meta kien qed jitkellem quddiem folla mdaqqsa ta' nies li attendew għal protesta organizzata mill-Partit Nazzjonalista fi Triq ir-Repubblika, l-Belt Valletta  -  li bdiet minn ħdejn il-Parlament u li kienet karatterizzata mill-bnadar ta' Malta u messaġġi, fosthom kontra l-qerda ambjentali -   il-Kap tal-PN Bernard Grech qal li l-Kummissarju tal-Pulizija jħobb joqgħod jippoppa sidru biex jieħu l-krettu imma fl-istess ħin qed jaħrab mir-responsabilitajiet tiegħu, sostna għall-għajjat tal-folla preżenti. Huwa semma' l-każ ta' Iosif Galea u dak tal-Bank Pilatus, u qal li bin-nuqqas ta' azzjoni tiegħu - meta l-Pulizija ma arrestawx persuni li fuqhom hemm mandat ta' arrest - il-Ministru Jonathan Attard spiċċa jgħatti lill-Bank Pilatus bl-iskuża li l-istituzzjonijiet jeħtieġ jitħallew jaħdmu. "Mela intom qatt ħallejtu l-istituzzjonijiet jaħdmu?" staqsa rettorikament Grech,

Bernard Grech, f'din il-protesta li ssejħet mill-PN biex "il-kwalità tal-ħajja ma tkomplix titnaqqar", saħansitra akkuża lill-Gvern illi ddejjen sabiex ikun jista' "jisraq il-voti", filwaqt li ddeskriva bħala "tal-mistħija" l-aħħar żviluppi li jitrattaw il-proġett tal-Marsa u sostna illi ma sarx proġett wieħed, li minnu l-Gvern Laburista ma pprovax jiggwadanja hu. 

Huwa akkuża lill-Gvern ta' Robert Abela illi kerrah u biegħ lil Malta, bir-riżultat illi qed tonqos il-kwalità tal-ħajja. "F'Malta sirna lil min taf u mhux x'taf u ħadd ma jista' jiċħad li fl-aħħar disa' snin u nofs il-Labour lil Malta biegħha lill-barranin, biegħha lil tal-qalba u kerraħha," sostna Grech għaċ-ċapċip ta' dawk preżenti.

"Iktar minn żewġ terzi taż-żgħażagħ mhumiex jaraw futur għal Malta. Ħammġu lil Malta ambjentalment u etikament. Tant sar hawn tixħim, li s-sorspiża saret meta ma jkollniex skandlu."

Il-Kap Nazzjonalista akkuża wkoll lill-PL illi "innormalizza t-tixħim" li sostna illi qed tagħmel ħsara lit-tessut tal-pajjiż. "U l-pulijzja u l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali minflok jipproteġu lill-poplu, flok itellgħu lil min biegħ dan il-pajjiż il-Qorti - jiddefendu lil min jabbuża mill-poter," qal Grech. 

Huwa kompla jisħaq illi kull kuntratt li jagħti dan il-Gvern, meta wieħed jikkunsidra l-sitorja riċenti, huma kollha suspettużi.

"L-uniku interess tal-Gvern Laburista huwa kif ta' ġewwa se jħaxxnu buthom," saħaq il-Kap Nazzjonalista. 

Grech, għal għajjat ta' "ħallelin, ħallelin" minn dawk preżenti, semma' fil-qasir l-iskema ta' ċittadinanza u l-ħela tal-flus  - fosthom l-€140,000 li ntefqu sabiex il-PM Abela tela' New York ma' 30 persuna, fosthom il-familja, ħaddiema fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u Ministri oħrajn.

"Abela jmur New York u lilek iħallik tiġġieled l-għoli tal-ħajja. Lili qalli li stajt ġejt hawnhekk b'xejn (mil-bieraħ it-trasport pubbliku sar b'xejn għal kulħadd). Anke int mort New York b'xejn, għax ħallasna għalik aħna."

Skont hu, dan il-Gvern huwa wkoll wieħed li jhedded il-libertà hekk kif qal li kien hemm negozjant li sostna miegħu illi kien preżenti għall-protesta u li qal illi kien mhedded biex jivvota lill-Partit Laburista, inkella ma jerġax jingħata kuntratti. 

Huwa kkwota ittra ta' persuni li qal illi kitbulu u li qalulu li l-kwalità tal-ħajja tagħhom sejra lura. "Kontijiet, ħajja.. għajjejt. Hekk qalli dan ir-raġel. Imma jiena ngħidlu għamel kuraġġ għax aħna miegħek," sostna Grech. Huwa rrakkonta wkoll kif mara qaltlu li €70 għall-pirmli ma kienx biżżejjed, għax il-primli li tieħu kollha għolew, tant li dawn qed jiswewlha €20 aktar kull xahar. 

Grech irrakkonta aktar esperjenzi fosthom ta' mara li kellha tistenna ħafna għall-operazzjoni. Għamel ukoll referenza għall-kontijiet tad-dawl u l-ilma u l-każ li l-PN se jiftaħ quddiem il-Qrati.

Huwa temm iwiegħed aktar azzjonijiet fil-Qrati u fit-toroq mill-Partit Nazzjonalista fiż-żmien li ġej.

More in Politika