Il-PN jisħaq li l-Avukat Ġenerali qed tfixkel xogħol il-Qorti u jtenni li għandha tirriżejna

Jinsisti li bin-nuqqas ta' azzjoni tiegħu, il-Ministru Jonathan Attard huwa 'kompliċi'

Il-Partit Nazzjonalista appella mill-ġdid għar-riżenja tal-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg waqt li akkużaha li qed tabbuża mill-kariga tagħha.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista għamel referenza għal dak żvelat dalgħodu minn Repubblika, jiġifieri li fl-24 t’ Frar 2021, il-Maġistrat Ian Farrugia, tliet xhur wara li kien iffinalizza l-inkjesta dwar il-Bank Pilatus, iffirma l-mandati ta’ arresti fil-konfront ta’ diversi persuni. Madanakollu, dwar dan, baqgħet qatt ma ttieħdet azzjoni.

“Dak li ġie żvelat dalgħodu mill-għaqda Repubblika dwar id-deċiżjonijiet tal-Avukat Ġenerali fir-rigward tal-każ tal-Bank Pilatus hu konferma oħra ta’ kemm l-Avukat Ġenerali qegħda, b’mod konsistenti, tabbuża mill-kariga tagħha,” qal il-PN.

Insista li hu inaċċettabbli li l-Avukat Ġenerali tieħu deċiżjonijiet bil-moħbi u li bihom tfixkel jew saħansitra ġġib fix-xejn il-ħidma li jkun wettaq Maġistrat Inkwirenti f’każ daqstant skandaluż.

Il-Partit Nazzjonalista insista li bin-nuqqas ta’ azzjoni tiegħu, il-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard spiċċa kompliċi mal-Avukat Ġenerali biex jitgħatta l-iskandlu tal-Bank Pilatus. 

“Pajjiżna spiċċa għandu Ministru tal-Ġustizzja li moħħu biex jaħrab mir-responsabbiltà tiegħu bl-iskuża redikola li l-istituzzjonijiet għandhom jitħallew jaħdmu. Fi kliemu stess, il-Ministru tal-Ġustizzja qed jammetti li hu qiegħed hemm għalxejn. Bih u mingħajru xorta,” kompliet l-istqarrija.

Il-PN qal li aktar ma Victoria Buttigieg iddum ma tirriżenja, aktar se tkompli ssir ħsara lill-istituzzjoni tal-Avukat Ġenerali u lill-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja f’pajjiżna.

Fakkar ukoll li l-Oppożizzjoni qed tipproponi li l-persuna li tokkupa l-kariga ta’ Avukat Ġenerali għandha tkun maħtura bil-vot taż-żewġ terzi tal-Parlament u wara sejħa pubblika. 

More in Politika