Il-PM iwiegħed Baġit li jemmen fil-ħaddiema u li mhux se jaqbad it-triq tal-awsterità

Abela qal dan meta kien qed jinawgura l-uffiċini l-ġodda tal-UHM Voice of the Workers

Il-Prim Ministru Robert Abela tenna li l-Baġit li jmiss se jkun wieħed li jemmen fil-ħaddiema u għalhekk mhux se jżid it-taxxi jew inkella jimplimenta politika ta’ awsterità.

Abela qal dan meta kien qed jinawgura l-uffiċini l-ġodda tal-UHM Voice of the Workers.

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru qal li d-deċiżjonijiet li qed jieħu l-Gvern ma għandhomx iservu għal-lum, iżda għandhom ikunu l-bażi biex lejn Malta jersaq aktar investiment ġdid li joffri impjiegi ta’ kwalità u li jħallsu aħjar.

Aċċenna fuq l-istabbiltà u s-sostennibbiltà, u hawn semma kif il-ħaddiema u l-familji tagħhom jixirqilhom iżjed spazji ġodda biex anki jservu ta’ żvog wara x-xogħol.

Il-Prim Ministru kompla jgħid li l-Gvern se jibqa’ jassigura li jissaħħu d-drittijiet, it-taħriġ u l-opportunitajiet ġodda biex wieħed jimxi ‘l quddiem u jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tiegħu=.

“Huwa dan kollu li ridna nissalvagwardjaw bid-deċiżjonijiet li ħadna fl-aħħar xhur u li bnew fuq deċiżjonijiet kbar oħra li ħadna sa minn Marzu 2020, quddiem sfidi bla preċedent”, qal il-Prim Ministru.

More in Politika