'Miegħek jixxaħħaħ imma hu mar jonfoq €140,000 biex jieħu 30 persuna miegħu fl-Istati Uniti' - Grech

Il-Kap tal-PN sostna illi ta' kuljum qed jesperjenza sens ta' diżappunt u qtigħ il-qalb ta' nies li qed iħossu illi l-kwalità tal-ħajja tagħhom marret għall-agħar

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech akkuża lill-Gvern li daħak bin-nies, hekk kif  qabel l-elezzjoni wiegħed kollox, inkluż impjiegi mal-Gvern u postijiet tal-housing, u issa minflok qed iwiegħed issikkar taċ-ċintorin. "Miegħek jixxaħħaħ imma hu mar jonfoq €140,000 biex jieħu 30 persuna miegħu fl-Istati Uniti," irrimarka Grech f'referenza għaż-żjara ta' Abela fi New York li kien irrapportat ili swiet €140,000 hekk kif involviet tliet Ministri, il-familja ta' Abela, diversi persuni mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-ebda ġurnalisti mill-midja indipendenti. 

Grech sostna illi ta' kuljum hu, flimkien mad-Deputati Nazzjonalisti qed jesperjenza sens ta' diżappunt u qtigħ il-qalb ta' nies li qed iħossu illi l-kwalità tal-ħajja tagħhom marret għall-agħar u akkuża lill-Gvern illi qed jinjora lil kulħadd - inkluż korpi kostitwiti - u jgħaddi romblu fuq il-poplu. "Qed naraw rabja, dwar l-għoli tal-ħajja tant li huma ħafna dawk li qed jesperjenzaw diffikultajiet. Qed naraw il-qerda tal-ambjent u l-kostruzzjoni mingħajr rażan, qed naraw it-traffiku kuljum minkejja €700 miljun li suppost kellhom isolvu l-problemi, qed naraw tliet sptarijiet maħtufin mill-privat," kompla jispjega l-Kap tal-Partit Nazzjonalista. 

Grech semma' wkoll il-kwistjoni tal-kontijiet tad-dawl u ilma u reġa' akkuża lill-Gvern illi qed jisraq lill-poplu, xi ħaġa li kompla jfakkar illi kienet ikkonfermata wkoll mill-Qorti. Grech sostna li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jiftaħ kawża kontra l-mod kif jinħadmu l-kontijiet u appella lill-poplu biex jingħaqad f'din il-kawża, "ħalli n-nies ma jkollhomx għalfejn joqħodu jistennew Gvern Nazzjonalista biex jieħdu lura l-flus li nsterqulhom." 

 "Dan huwa Gvern li qed jisirqek, joppressak u jgħaddi romblu minn fuq kulħadd," saħaq il-Kap tal-PN li qal illi kieku f'dan il-pajjiż l-istituzzjonijiet kienu qed jaħdmu, suppost kienu jkunu l-awtoritajiet stess li jaċċertaw illi l-poplu ma jibqax jinsteraq. 

Huwa appella lin-nies biex nhar il-Ħadd jattendu għall-protesta li se jorganizza l-partit u qal li dan huwa mument li fih in-nies jistgħu juru l-għadab tagħhom kontra s-sitwazzjoni kurrenti.

More in Politika