Ma jattendux għall-Parlament taż-Żgħażagħ wara li ġew mgħajra għax iffirmaw mozzjoni favur l-abort

Id-dekriminalizzazzjoni tal-abort kienet it-tema ewlenija tal-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ li sar illum

Għadd ta' żagħżagħ ma attendewx għas-sessjoni tal-Parlament taż-Żgħażagħ wara tgħajjir li rċevew għax iffirmaw mozzjoni biex l-abort ma jibqax meqjus bħala att kriminali.

Fuq Facebook, id-Deputat Laburista Randolph Debattista qal li jinsab "ixxukjat u maħruq" meta ġie infurmat dwar dan. Qal li dawn iż-żagħżagħ ġew mgħajra fuq il-midja soċjali u isimhom tperreċ għax "iffirmaw mozzjoni li jaqblu magħha."

Debattista insista li "din hija mentalità li għandha tinqata'."

Filwaqt li saħaq li d-dibattitu kien wieħed sabiħ u matur, qal li ma jista' qatt ikun aċċettabbli li "naqtgħu qalb iż-żgħażaġħ jew ikunu min ikunu, milli jsemmgħu leħinhom fuq dak li jemmnu fih."

"Illum, fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż rajt żgħażagħ kuraġġużi fuq iż-żewġ naħat li ma ddejqux jitkellmu anke jekk kien hemm min qalilhom li ma jaqblilhomx minħabba l-karriera tagħhom."

Fil-fatt, id-dekriminalizzazzjoni tal-abort kienet it-tema ewlenija tal-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ li sar illum.

L-Ispeaker irrefera għal figuri ppubblikati mill-Organizzazzjoni Dinija tas-Saħħa (WHO) li juru li ta’ kull sena qed isiru madwar 73 miljun abort fid-dinja. Farrugia insista li d-dritt tal-ħajja umana hu sagrosant u assolut. Hu fakkar li ftit snin wara t-Tieni Gwerra Dinija, il-komunità internazzjonali għarfet il-bżonn li tħares lill-ulied u lill-ommijiet u anke l-istituzzjoni tal-familja.

“Hu fl-interess tal-umanità li dawk kollha fil-poter għandhom id-dover li jħarsu l-ħajja umana. Anzi għandhom iħabirku biex il-bnedmin kollha, inklużi dawk l-aktar vulnerabbli jew li għandhom bżonn l-għajnuna tagħhom din tingħatalhom u tkun anke mħarsa," insista Farrugia. “M’aħniex nitfixklu jew ikollna dubji dwar il-ħajja fi ħdan l-omm. Ix-xjenza turina li l-ħajja umana tibda mit-tnissil tagħha jew mill-konċepiment. Għaldaqstant, l-awtoritajiet għandhom id-dmir li jħarsu lill-ħajja umana minn dak l-istadju hekk bikri u aktar meta m’hemmx periklu għall-ħajja tal-omm.”

More in Politika