Hyzler jittama li jkun hemm qbil bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni għal Kummissarju ġdid tal-Istandards

Illum hija l-aħħar ġurnata ta' Hyzler f'din il-kariga hekk kif kien appuntat mill-Gvern Malti għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Il-Kummissarju għall-Istandards George Hyzler itemm il-kariga tiegħu llum - b'konferenza dalgħodu li fil-fatt qed tindirizza proposti dwar l-etika u l-imġieba, kemm tad-Deputati u anke tal-Ministri. Dan ħabbru Hyzler stess, hekk kif hu kien appuntat għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri wara li 551 Membru Parlamentari Ewropew ivvutaw favur tiegħu, 33 MEP biss vvutaw kontrih, filwaqt li 45 MEP astjenew mill-vot.

Hyzler se jkun qed jieħu post Leo Brincat, hekk kif il-mandat tiegħu ta’ ħames snin wasal fi tmiemu. Hyzler kien nominat mill-Gvern Malti, aktar kmieni din is-sena.

Waqt il-konferenza huwa esprima t-tama li l-Gvern u l-Oppożizzjoni jilħqu qbil dwar min se jkun qed jokkupa l-kariga, hekk kif wara bidliet li seħħew fl-aħħar snin ukoll din il-kariga tista' timtela' biss wara li jkun hemm il-qbil taż-żewġ terzi tad-Deputati Parlamentari. Hyzler qal lill-ġurnalisti preżenti li l-Prim Ministru assigurah li l-kariga se timtela' fiż-żmien li ġej u sostna wkoll illi Robert Abela assigura li jekk jibqa' ma jintlaħaqx qbil fiż-żmien li ġej jinħatar Deputat Kummissarju għall-Istandards, li jibqa' fil-kariga sakemm jintlaħaq qbil.

Huwa wettaq diversi investigazzjonijiet u ppiubblika diversi rapporti dwar deputati differenti li saħansitra waslu għal żewġ riżenji: Dik tal-eks Ministru Justyne Caruana, fil-każ ta' konsulenza mogħtija lis-sieħeb tagħha Daniel Bogdanovic meta dan ma kellu ebda esperjenza tal-qasam edukattiv, b'rapporti jinkitbu minn persuni fil-MInisteru f'ismu u anke Rosianne Cutajar. Din tal-aħħar irreżenjat minn Segretarju Parlamentari wara li kienet akkużata li ma ddikjaratx flus li daħlu minn senserija, għal proprjetà li kien se jixtri Yorgen Fenech fl-Imdina, fid-dikjarazzjonijet tal-assi tagħha. 

Il-kariga ta' Kummissarju għal-Istandards - li tara illi d-Deputati jimxu fuq linji gwida ta' dak li huwa etiku u trasparenti - inħolqot mill-Gvern preżenti fit-30 ta' Ottubru 2018. 

Hyzler innifsu kien Membru Parlamentari f'isem il-Partit Nazzjonalista bejn l-1995 u l-2003 u Segretarju Parlamentari bejn l-1999 u l-2003. 

L-Ispeaker jiltaqa' ma' Hyzler, fl-aħħar jum fil-kariga ta' Kummissarju tal-Istandards
L-Ispeaker jiltaqa' ma' Hyzler, fl-aħħar jum fil-kariga ta' Kummissarju tal-Istandards

Intant dalgħodu l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia laqa’ għandu għal żjara tal-aħħar lill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler, qabel jassumi r-responsabbiltajiet ta’ membru fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

More in Politika