Il-Qorti tissiġilla imejl ippreżentata fil-libell ta' Rosianne Cutajar kontra Mark Camilleri

L-Ispettur Keith Arnaud ttella' jixhed biex jippreżenta bħala evidenza imejl li allegatament tinkludi konferma ta' booking li għamel Yorgen Fenech għal kamra f'lukanda f'Pariġi u li fiha d-Deputata Rosianne Cutajar hija mniżżla bħala mistiedna

Il-Qorti ssiġġilat imejl li ġiet ippreżentata llum minn Supretendent tal-Pulizija fil-libell li d-Deputata Laburista Rosianne Cutajar fetħet kontra l-awtur Mark Camilleri.

Is-Supretendent Keith Arnaud li jmexxi t-Taqsima tal-Pulizija kontra l-Omiċidji, ittella' jixhed biex jippreżenta bħala evidenza imejl li allegatament tinkludi konferma ta' booking li għamel Yorgen Fenech għal kamra f'lukanda f'Pariġi u li fiha d-Deputata Rosianne Cutajar hija mniżżla bħala mistiedna.

Arnaud qal li l-booking sar fl-14 ta' Frar 2018. 

Cutajar kienet fetħet dan l-libell hekk kif Camilleri, fuq Facebook, kien allega li hi kienet irċeviet pagamant mingħand Yorgen Fenech wara li kienet iddefenditu fid-dawl tal-allegazzjonijiet li Daphne Caruana Galizia kienet ħarġet kontrih.

Fenech, li huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black, huwa akkużat bil-qtil ta’ Caruana Galizia.

Fil-ktieb tiegħu, A Rent-seeker’s Paradise, Camilleri saħansitra jgħid li Cutajar kellha relazzjoni intima ma’ Fenech. Allega li Fenech kien taha flus meta għenitu jikseb proprjetà.

Fl-aħħar seduta, f’Mejju li għadda, l-Avukati ta’ Cutajar kienu ħeġġew lil Camilleri biex jippreżenta l-provi li għandu.

Qabel xehed is-Supretendent, l-Avukat Edward Gatt li qed jidher għal Cutajar, irrefera għal sentenza riċenti tal-Qorti Ewropea għall-Ġustizzja li ddeċidiet li ċertu kommunikazzjoni bejn terzi persuni, li fiha tingħata informazzjoni fuq persuni oħra li mhijiex ta’ sigurtà nazzjonali, imma dwar ħajja privata, tkun qed tikser id-drittijiet fundamentali tal-istess persuni. 

Il-Qorti madanakollu qalet li trid tara d-dokument qabel tiddeċiedi u talbet lix-xhud biex jitla’ jixhed.

Arnaud ppreżenta din l-imejl, li fi kliemu, ittieħdet minn laptop ta’ Yorgen Fenech, liema laptop kellu ħafna kontenut li għandu x’jaqsam man-negozju.

Il-Qorti qalet li se tkun qed tiddeċiedi dwar it-talba tal-Avukat Gatt wara li taqra b'reqqa l-email. Sadanittant, ordnat li l-email tkun issiġġilata fl-atti tal-każ.

Gatt talab lill-Qorti biex tordna projbizzjoni tax-xhieda ta’ Arnaud jew almenu tad-dati li jsemmi, iżda l-Qorti ma laqgħetx din it-talba. 

Il-każ ikompli f’Novembru.

More in Politika