Aktar uffiċjali ta' TM fit-toroq u tow truck b'xejn biex jonqos it-traffiku

Hekk kif illum jibdew l-iskejjel u jiżdied it-traffiku, Transport Malta ħabbret diversi inizjattivi li ħadmet fuqhom biex tikkontrolla aħjar it-traffiku

Hekk kif illum diversi skejjel fetħu l-bibien tagħhom mill-ġdid u l-istess se jagħmlu oħrajn matul din il-ġimgħa, it-traffiku se jkun qiegħed jiżdied kemm filgħodu imma anke f'ħinijiet oħra tal-ġurnata.

Għalhekk, Transport Malta se tkun qed iżżid il-ħidma tagħha bil-għan li t-traffiku jkun immaniġġjat aħjar. 

Fi stqarrija, TM spjegat kif f-aħħar xhur kellha diversi aqgħat ta’ preparazzjoni bejn diversi stakeholders bħal Infrastruture Malta, il-Korp tal-Pulizija u l-LESA u se tkun qed  timplimenta diversi inizjattivi.

Fost dawn se tkun qed toffri servizz ta' tow-truck b'xejn. Dan is-servizz se jkun disponibbli mit-Tnejn sal-Ġimgħa mis-06:00 sad-09:30, u mill-15:30 sas-18:30, matul is-sena skolastika. Biex tagħmel użu minn dan is-servizz, persuna għandha ċċempel fuq 80073399.

Uffiċjal minn Transport Malta jintbagħat fil-post biex jidderieġi t-traffiku fiż-żona u jgħin biex imexxi l-vettura fl-eqreb post sikur biex ma’ jkunx ta’ inkonvenjent għat-traffiku li jkun għaddej. 

Apparti minn hekk, għadd ta’ uffiċjali tal-Infurzar se jkunu stazzjonati f’postijiet partikolari fejn jinġema ammont konsiderevoli ta’ traffiku biex jiżguraw li t-traffiku jibqa għaddej mingħajr ebda xkiel żejjed. Se jkun hemm preżenza ta’ dawn l-uffiċjali fit-toroq bejn is-6:00 u d-9:30 u kif ukoll bejn it-15:30 u s-18:30. Se jkun hemm ukoll żieda fil-patrols li tagħmel Transport Malta. 

3Se jkun hemm żieda ta’ ħaddiema fit-Traffic Control Centre (TCC) ta’ Transport Malta biex jiġi żgurat kordinament aħjar waqt ħinijiet fejn jinġema ammont konsiderevoli ta’ traffiku. 

Transport Malta qed tħeġġeġ lis-sewwieqa biex iniżżlu l-app tal-Malta Road Traffic Update (MRTU) li se tkun qed taġġornahom fuq kwalunkwe inkonvenjenti u traffiku li jistgħu isibu fir-rotta tagħhom.

More in Politika