Volt bħala 'l-ewwel partit politiku favur l-għażla' jenfasizza għal-legalizzazzjoni tal-abort

'Il-maġġoranza tal-Maltin ma jridux li dawk li jagħmlu abort jiġu mitfugħa l-ħabs' - Matthias Portelli 

Ilbieraħ Volt Malta ħa sehem f’attività favur id-dritt tal-għażla fejn jidħol l-abort, liema attività tmexxiet mill-kolaizzjoni Voice For Choice - L-għażla tagħna. Fid-dawl ta' dan il-partit jisħaq li, "bħala l-ewwel partit politiku li kien favur id-dritt tal-għażla f’Malta", Volt Malta reġa’ enfasizza s-sejħa li għamel għal-legalizzazzjoni tal-abort f’Malta.

“Mijiet ta’ persuni f’Malta jagħmlu abort kull sena… dawk li jaffordjaw jagħmluh barra minn xtutna u dawk li ma jistgħux, jew jordnaw pilloli abortivi baxx baxx jew inkella jirrikorru għal soluzzjonijiet oħra li jkunu ta’ periklu għal saħħithom,” saħqet il-Ko-President ta' Volt Malta, Alexia DeBono.

“L-ewwel soluzzjoni u l-iktar ovvja hi dik li niddekriminalizzaw l-abort,” żied Arnas Lasys, il-Ko-President ta’ Volt Malta, “l-abort mhux postu fil-Kodiċi Kriminali Maltija, l-abort huwa kwistjoni ta’ servizz tas-saħħa”.

Il-partit ikompli jħeġġeġ biex Malta tillegalizza l-pilloli abortivi, jiġifieri tagħmel legali l-abort mediku. Din il-proċedura tikkonsisti mill-konsum ta’ żewġ pilloli: il-mifepristone u warajha l-misoprostol. Dawn jistgħu jiġu kkunsmati b’mod sigur fl-ewwel erba’ xhur tat-tqala.

Volt Malta jisħaq fuq l-importanza tad-dekriminalizzazzjoni proprju għaliex fil-fehma tagħhom "ħadd m’għandu jiġi mġiegħel iġorr tqala mhux mixtieqa għal disa’ xhur sħaħ u d-dritt tal-awtonomija fuq il-ġisem għandu jiġi rrispettat." 

Ukoll, it-tqala mhix vijabbli ta’ Andrea Prudente, li setgħet tkun ta’ theddida għal ħajjitha "la hi l-ewwel każ, u lanqas se tkun l-aħħar wieħed tax-xorta tiegħu jekk il-liġi ma tiġix mibdula." L-istejjer ta’ ħafna nies Maltin jinkinsu taħt it-tapit - u dawn m’għandhomx l-għażla li jiġu airlifted lejn pajjiż ieħor biex jagħmlu l-proċedura tal-abort hemm!

“Il-maġġoranza assoluta tal-Maltin ma jridux li dawk li jagħmlu abort jiġu mitfugħa l-ħabs. Tibdiliet fil-liġi sempliċiment għall-apparenza mhumiex se jikkuntentaw lill-moviment għal tibdiliet serji. Il-Ministru Chris Fearne għandu jaħtaf l-okkażjoni u jagħmel it-tibdiliet meħtieġa,” temm jgħid Matthias Portelli, il-mexxej tal-policies ta’ Volt Malta.

More in Politika