Il-ħaddiema tal-Air Malta li se jieħdu l-iskema tal-irtirar mhux se jitħallew jaħdmu mal-Gvern għal sitt snin

Il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana kkonferma u sostna li din il-kundizzjoni hija "ġusta" u li hija waħda li tilħaq il-bilanċ 

Il-Ministru Clyde Caruana
Il-Ministru Clyde Caruana

Il-gazzetta ILLUM tinsab infurmata li l-Gvern se jorbot lil  dawk il-ħaddiema kollha tal-Air Malta li se jkunu qed japplikaw għall-iskema ta' rtirar kmieni, biex b'hekk ma jkunux jistgħu jiddaħħlu f'ebda tip ta' impjieg mal-Gvern fis-sitt snin ta' wara li jsir il-ftehim magħhom. 
F'kuntatt ma' din il-gazzetta l-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana kkonferma dan kollu u sostna li din il-kundizzjoni hija "ġusta" u li hija waħda li tilħaq il-bilanċ meħtieġ u li "tirrispetta t-taxxi tal-poplu. You can't have the cake and eat it," saħaq Caruana mal-ILLUM.

Kienu sorsi differenti li żvelaw kif din se tkun kundizzjoni importanti li tintrabat mal-iskema ta' irtirar kmieni, li ġiet ikkritikata bil-qawwi minn diversi assoċjazzjonijiet li jirrapreżentaw lil dawk li jħaddmu. L-għan tagħha huwa li jintlaħaq dan il-bilanċ li semma' l-Ministru u anke biex tikkalma xi ftit tar-rabja li kien hemm fost diversi msieħba soċjali. Sors partikolari nnota li l-perjodu ta' sitt snin jinkorpora fih ukoll il-perjodu tal-elezzjoni ġenerali li jmiss, u allura żmien meta tipikament jiddaħħlu aktar nies fis-settur pubbliku.

Din l-iskema ġiet offruta lil madwar 300 ħaddiem tal-Groundhandling u ħaddiema amministrattivi, bħala alternattiva għal impjieg mal-Gvern bis-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja jgħid f'intervista ma' din il-gazzetta illi dan seħħ wara li l-istess unjin kellha ħafna talbiet għal skema ta' dan it-tip. Il-kritika iżda kienet l-aktar dwar l-ispiża, bl-Assoċjazzjoni ta' Min Iħaddem (MEA) tgħid li dan huwa "l-aktar ftehim oxxen fl-istorja tar-relazzjonijiet industrijali ta' Malta." 

Il-ftehim - li kien approvat mill-maġġoranza assoluta tal-ħaddiema in kwistjoni, membri tal-GWU - ifisser li l-ħaddiema li jmorru għall-iskema tal-irtirar kmieni jgawdu minn somom li jvarjaw bejn €40,000 u kien irrapportat li jibqgħu telgħin sa €300,000, skont il-pożizzjoni li kellhom u skont kemm ilhom jagħtu servizz lill-kumpanija. B'kollox din l-iskema se tiswa' lill-pajjiż mal-€50 miljun. 

Il-MEA saħqet illi ħaddiem li jkun ilu ħames snin biss fl-impjieg se jieħu sa' €80,000, jew €16,000 għal kull sena servizz. 
"Dan il-ftehim huwa bla preċedent... serq sfaċċat," sostniet l-MEA. 

Il-Kamra tal-Kummerċ u l-Kamra tal-SMEs ukoll ikkritkaw din l-iskema u talbu spjegazzjonijiet mingħand il-Gvern. 

Intant il-GWU dejjem insistiet li l-ħaddiema għandu jkollhom garanzija ta' xogħol u garanzija tal-istess dħul, anke jekk jingħataw impjieg mal-Gvern. Mal-gazzetta ILLIUM Bugeja kien qal li diversi ħaddiema tal-groundhandling ħassewhom offiżi bil-mod kif kien hemm min iddubita l-abbilitajiet tagħhom wara snin ta' dedikazzjoni u servizz lejn il-linja nazzjonali tal-ajru. 

 

 

More in Politika