Ħames għaqdiet b'appell kontra l-approvazzjoni ta' pixxina fuq wied għal Joe Portelli

Dawn l-għaqdiet jgħidu li l-approvazzjoni ta’ pixxina f’wied toħloq preċedent perikoluż sabiex ikomplu jiġu approvati applikazzjonijiet għal proġetti simili, u b’hekk fetħet bibien is-sema għall-qerda tal-widien

Ħames għaqdiet u l-Kunsill Lokali tax-Xagħra ressqu appell mat-Tribunal tal-Ippjanar (EPRT) kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Ippjanar li tapprova pixxina fuq proprjetà ta' Joseph Portelli fil-Wied ta’ Marsalforn. L-appell qiegħed isir bil-fondi li nġabru fi ftit jiem minn kampanja ta’ crowdfunding sabiex ikunu jistgħu jittieħdu passi legali kontra dan il-permess ta’ żvilupp skandaluż.

"Fi spettaklu tal-mistħija intiż li jaġevola bis-sħiħ lin-negozjanti l-kbar, il-Kap tal-Kummissjoni tal-Ippjanar, Martin Camilleri għamel minn kollox sabiex jintogħġob ma’ Portelli u ħareġ il-permess minkejja r-rakkomandazzjoni għar-rifjut tal-uffiċjal responsabbli mill-każ," sostnew fl-istqarrija tagħhom il-ħames għaqdiet. 

Minbarra li tinsab f’ODZ, il-pixxina ta’ Portelli ser titħaffer f’wied u hija parti minn proġett massiv ta’ blokok ta’ appartamenti fit-tarf tal-istess wied. "L-approvazzjoni ta’ pixxina f’wied toħloq preċedent perikoluż sabiex ikompli jiġu approvati applikazzjonijiet għal proġetti simili, u b’hekk fetħet bibien is-sema għall-qerda tal-widien tagħna u l-qerda mgħaġġla ta’ Għawdex."

L-istqarrija tisħaq illi l-approvazzjoni ta’ Martin Camilleri tikser bosta liġijiet u politiki tal-ippjanar. 

L-appell tal-organizzazzjonijiet jelenka l-bosta regolamenti li jipprojbixxu kategorikament dan l-iżvilupp approvat fuq ODZ, bħal fost oħrajn: il-Pjan Lokali ta’ Għawdex ma jippermettix żvilupp f’xifer il-widien; is-sit jinsab fil-limitu ta’ 50 metru minn Żona ta’ Konservazzjoni Urbana; mhux  permess tibdil fl-istat naturali ta’ ODZ u li art ODZ tinqasam f’biċċiet li jeqirdu l-pajsaġġ olistiku tagħha. "Barra minn hekk, il-Kummissjoni tal-Ippjanar sostniet li s-sit kien kommess għall-iżvilupp, meta fil-fatt ma kienx, u wkoll aġixxiet b’mod mill-iktar irregolari tul il-proċess b’mod partikolari meta naqset milli tindika fl-ewwel seduta d-direzzjoni li ser tieħu, u minflok talbet l-iżviluppatur iwettaq tibdil insinifikanti, li mbagħad użatu sabiex tiġġustifika l-approvazzjoni," komplew isostnu l-għaqdiet.

Huma qalu illi s-suċċess ta’ kampanji ta’ ġbir tal-flus bħal dawn juru r-rabja tal-Maltin u l-Għawdxin fil-konfront tal-qerda tal-ambjent urban u natural għall-benefiċċju ta’ ftit sinjuri. 

"Quddiem dan l-assalt fuq l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja tagħna, aħna determinati li nkomplu niġġieldu l-qerda ta’ Għawdex u ta’ Malta minn żviluppaturi bħal Joseph Portelli u entitajiet imħassra bħall-Awtorità tal-Ippjanar.

L-Organizzazzjonijiet li qegħdin iressqu dan l-appell: Moviment Graffitti, Din l-Art Ħelwa, Għawdix, Wirt Għawdex, Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA) u l-Kunsill Lokali Xagħra

 

More in Politika