‘Bi ftit flus, b’xi mod jew ieħor naraw kif inkampaw iżda lin-nisa u lit-tfal, ma nieqfu nipproteġuhom qatt!’

Fejn imorru dawk in-nisa li jaħarbu mill-vjolenza? Min huma Fondazzjoni Sebħ? X’jagħmilhom differenti l-istituti u d-djar tat-tfal? L-ILLUM tiltaqa’ ma’ Yvonne Mallia u Elmer Stanmore u tiddiskuti l-isfidi finanzjarji, il-familji li jinbnew fil-komunitajiet tal-vittmi u għaliex ħassew il-ħtieġa li jkollhom tliet idjar ġodda 

Għal ħafna tfal, b’ċertu sens ta’ dieqa, illum sebaħ jum ieħor eqreb biex jintemm is-sajf li jfakkarhom li se terġa’ tibda l-iskola. Forsi mill-esperjenza ta’ ħafna minna, minkejja li jaf ikun hemm min hu ħerqan, xi darba jew oħra ħafna gergru għax l-ixxalar u l-jiem fuq xi bajja ramlija spiċċaw u issa jmiss li jaffaċċjaw il-bank tal-iskola. 

Minkejja dan ħafna ma jirrealizzawx li madwar id-dinja, inkluż f’pajjiżna, hawn tfal li għalihom is-sajf kien differenti, ‘il bogħod mill-ġenituri, ħbieb tal-qalb u n-nanniet. Dik hi r-realtà ta’ madwar 40 tifel u tifla li tgħix fl-appartamenti ta’ Fondazzjoni Sebħ għaliex il-ġenituri tagħhom ma jistgħux irabbuhom, għal xi raġuni jew oħra. 

Madankollu, bl-għajnuna ta’ ħafna social workers, volontiera u l-amministrazzjoni - inkluż l-Arċidjoċesi ta’ Malta - permezz tat-tim tal-Fondazzjoni, dawn it-tfal jistgħu mill-ġdid igawdu minn sens ta’ stabilità. U mhux biss tfal iżda anke nisa vittmi ta’ xi tip ta’ vjolenza. Iżda dan l-impenn ma jsirx mingħajr xi ntopp ‘l hemm jew ‘l hawn u fuq hekk Fondazzjoni Sebħ fetħet il-bieb lill-ILLUM u ddiskutiet mal-gazzetta; il-missjoni, l-isfidi u s-sodisfazzjon tagħha kif ukoll l-aħħar proġetti li nediet li se jiffaċilità s-sistema ta’ donazzjonijiet u jagħti aktar għajnuna lin-nisa li jaħarbu mill-vjolenza.

‘Ħloqna d-djar biex immorru lil hinn mill-idea tal-istituti mimlija tfal’ 

Fondazzjoni sebħ hija Għaqda mhux Governattiva (NGO) pjuttost riċenti fil-fatt ilha mwaqqfa mill-2018. Bħalissa l-Fondazzjoni għandha erba’ djar residenzjali, Dar Fra Diegu u Dar San Nikola fil-Ħamrun, Dar Sagra Familja f’Ħaż-Żabbar u Dar Santa Tereża, fiż-Żurrieq. Dawn id-djar, li jinqasmu f’appartamenti, jilqgħu fihom massimu ta’ sitt ‘itfal kull wieħed. Dan il-limitu jeżisti biex it-tfal dejjem jingħataw l-attenzjoni individwali li jistħoqqilhom.  

Id-direttur tal-Fondazzjoni Yvonne Mallia saħqet li l-għan aħħari ta’ dawn ir-residenzi huwa li t-tfal li jinsabu f’sitwazzjonijiet diffiċli, jitneħħew minn djarhom u b’mod temporanju jingħataw l-għajnuna f’dawn ir-residenzi. Madankollu qalet li filwaqt li huma dejjem jimmiraw li t-tfal jerġgħu jingħaqdu mal-ġenituri la darba dawn jingħataw il-kura meħtieġa, dan mhux dejjem il-każ. Fil-fatt saħqet li f’ċertu ċirkostanzi jkun hemm tfal li jibqgħu jgħixu magħhom sakemm jgħalqu t-18-il sena. 

“L-idea ta’ dawn ir-residenzi kienet li mmorru lil hinn mill-idea ta’ istituzzjonijiet, bħall-istituti b’ħafna tfal. Apparti minn hekk dawn dejjem ikunu mdawwra bl-istess carers biex ikollhom ambjent familjari,” qalet Mallia.

‘Saħħa ma jgħixux mal-ġenituri, mhux ġust li nifirdu l-aħwa’ 

Mal-ILLUM tkellmet ukoll Elmer Stanmore, maniġer fil-Fondazzjoni u li bħal Mallia, bdiet il-karriera tagħha bħala volontiera u aktar tard saret social worker. Saħqet li għall-Fondazzjoni hu kruċjali li l-aħwa jibqgħu flimkien, “saħħa ma jgħixux mal-ġenituri, mhux ġust li nifirduhom mill-aħwa. U fuq kollox isibu refuġju f’xulxin, tibqa’ l-atmosfera ta’ familja u tibqa’ r-rabta li kienu bnew flimkien.” Tant hu hekk li qalet li hemm appartament partikolari li fih jgħixu aħwa biss. 

Stanmore spjegat li apparti l-fatt li l-carers ikunu preżenti mat-tfal il-ġurnata kollha, preżenti fid-dar ikun hemm is-social workers u l-home manager. 

Għall-Fondazzjoni hu kruċjali li t-tfal jibqgħu jgħixu ħajja kemm jista’ jkun ordinarja u t-tfal jibqgħu jattendu għall-attivitajiet estrakurrikulari, fosthom l-isport u d-drama. Madankollu tisħaq li bħalissa l-inkwiet tagħhom huma l-karozzi li kienu jintużaw biex iwasslu lit-tfal. 

“Bħalissa ninsabu bla karozzi. Pruvajna nirranġawhom imma tant ilna nirraġnaw fihom li issa ma fadal xejn iżjed x’tagħmel,” qalu Mallia u Stanmore. 

‘Kellna nisa ta’ fuq is-60 u s-70 sena, li wkoll talbu l-għajnuna tagħna’ 

Mallia u Stanmore saħqu mal-ILLUM li l-Fondazzjoni Sebħ toffri għajnuna wkoll lil nisa vittmi ta’ vjolenza. Hawn huma iċċaraw li minkejja li vittmi ta’ vjolenza domestika huma l-aktar li  jiltaqgħu magħhom, ta’ sikwit jaraw nisa’ li ġew imġiegħla jiżżewġu, nisa tqal li kienu qed jiġu mġiegħla li jagħmlu abort, traffikar uman u anke prostituzzjoni u li irnexxielhom jaħarbu. 

B’sens ta’ kburija, Stanmore tisħaq li l-Fondazzjoni toffri xelter li fih dawn in-nisa jistgħu jgħixu għal 18-il xahar biex jerġgħu isibu saqajhom u l-indipendenza tagħhom.

“F’dan il-perjodu dawn in-nisa jirnexxielhom jiffrumaw familja. Ikun hemm minnhom li ġieli jżommu t-tfal ta’ xulxin meta jkollhom xi appuntament,” qalet Stanmore. 

Madankollu hawn Mallia tisħaq li minkejja s-servizzi varji - inkluż ċentru miftuħ għall-kommunità fil-Ħamrun u fil-Marsa - kien għad fadal xi ħaġa nieqsa. Kien għalhekk li ħabbru li se jkunu qed jiftħu tliet appartamenti addizzjonali bil-ħsieb li jagħtu ċans ieħor lil dawk in-nisa, li minkejja li għamlu progress kbir, it-triq quddiemhom, hija waħda twila. 

“Ikun hemm żgħażagħ li kibru, għalqu t-18-il sena u qabdu jaħdmu iżda minkejja dan għadhom mhumiex f’qagħda finanzjarja tajba biex jibdew iħallsu għal saqaf fuq rashom. Aħna ma rriduhomx li jkunu dipendenti fuq is-servizzi iżda billi noffrulhom it-tieni pass nevitaw li jispiċċaw fl-istess ċiklu jew li jispiċċaw bla dar,” qalet Mallia. 

Stanmore qablet magħha u qalet li jkun hemm każi fejn il-proċeduri legali li jkunu jinsabu fihom, fosthom ta’ separazzjoni, idumu aktar minn 18-il xahar. Qalet ukoll li jkun hemm oħrajn li jibdew jistudjaw biex ikollhom ħajja aħjar, “allura għaliex ma nkomplux ngħinuhom?”

‘€6,000 se toħodhom minn ħalq it-tfal?’ 

Waqt din iż-żjara l-ILLUM innotat xi xogħol ta’ restawr. Stanmore, bi tbissima fuq wiċċha saħqet li dik il-kamra tal-banju saret permezz ta’ sponsor ġeneruż. “B’kollox tiswa’ madwar €6,000. Dawk se toħodhom minn ħalq it-tfal? Imnalla kien l-isponsor.”

Propju fuq hekk Stanmore stqarret mal-ILLUM li huma wkoll ġew milquta mill-għoli tal-ħajja u għandhom bżonn ħafna donazzjonijiet biex il-proġetti għal dawn il-persuni vulnerabbli jsiru responsabbli. “Kwotazzjoni tinbidel fi żmien ħmistax.” 

Saħqet li issa wasal żmien il-Milied u ħafna drabi diversi nies iqassmu ħafna ġugarelli, ikel, ħwejjeġ u anke jagħmlu donazzjonijiet monetarji. 

“Aħna naċċettaw kull għajnuna. Il-flus naprezzawhom immens imma aħna inkunu grati wkoll kieku xi ħadd jiġi jagħmlilna d-dawl jew joffri xi servizzi għar-rinovar ta’ dawn l-appartamenti ġodda. Għalina kull qatra tgħodd,” temmew jgħidu Yvonne Mallia u Elmer Stanmore. 

Min jixtieq jagħti xi donazzjonijiet jista’ jagħmel dan billi jidħol fuq is-sit: https://sebh.mt/donate/. 

Jekk tixtieq tingħata l-għajnuna, tista’ tikkuntattja lill-Fondazzjoni Sebħ fuq Facebook għal assistenza mit-Tnejn sal-Ħadd, jew ċempel fuq 2247 0900.

More in Politika