Is-separazzjoni tal-iskart għandu jsir obbligatorju għad-djar u l-istabbilimenti wkoll - WasteServ

Malta rreġistrat żieda ta’ 30% fl-iskart li qed jiġi riċiklat fuq medda ta’ 12-il xahar u rriċiklat 15% tal-iskart tal-pajjiż, żieda ta’ 5% matul is-sena 2021. 

Apparti l-infrastruttura, "hemm bżonn li s-separazzjoni tal-iskart isir obbligatorju, kemm għad-djar u anke għall-istabbilimenti" sabiex Malta tkun tista' tilħaq il-miri tagħha relatati, inkluż tnaqqis drastiku ħafna fl-iskart li jintefa' fil-miżbliet. Dan qalitu l-WasteServ fi stqarrija illi fiha fakkret illi prattiċi tal-immaniġġjar tal-iskart li jniġġsu m'għadx għandhom posthom hekk kif bħala pajjiż hemm bżonn li jitnaqqas ir-rimi fil-miżbliet mir-rata attwali ta’ 85% għal 10% sal-2035. "Tnaqqis sinifikanti bħal dan huwa ta’ sfida kbira iżda WasteServ hija fiduċjuża li l-pajjiż jista' jikseb dan kemm bl-investimenti li qed isiru, u anke permezz tal-isforzi konġunti tas-settur pubbliku u dak kummerċjali."

WasteServ qed tħeġġeġ lill-pubbliku u lin-negozji biex jintensifikaw l-impenn tagħhom biex inaqqsu l-iskart milli jmur fil-miżbla. Dan jista’ jsir billi nnaqqsu, nagħmlu użu mill-ġdid u nirriċiklaw l-iskart. Billi nisseparaw l-iskart tagħna b’mod tajjeb, nagħżlu oġġetti b’inqas imballaġġ u nagħżlu li nsewwu l-oġġetti minflok ma jintremew huma kollha modi ta’ kif nistgħu nikkontribwixxu biex innaqqsu l-iskart.

Intant Malta rreġistrat żieda ta’ 30% fl-iskart li qed jiġi riċiklat fuq medda ta’ 12-il xahar u rriċiklat 15% tal-iskart tal-pajjiż, żieda ta’ 5% matul is-sena 2021. 

Minkejja dan it-titjib, l-istess Wasteserve sostniet li hemm bżonn ta’ bidla kulturali fil-pajjiż sabiex Malta tilħaq il-miri obbligatorji tal-Unjoni Ewropea. "Aktar importanti minn hekk, din it-tranżizzjoni ekoloġika hija essenzjali għall-benessri tar-residenti Maltin kemm f’termini ta’ saħħa kif ukoll ta’ livell t’għajxien."

L-entità fakkret kif iktar tard din is-sena hekk se tinfetaħ faċilità ġdida awtomatizzata għall-iskart riċiklabbli, b’investiment ta’ €4 miljun, filwaqt li l-proġett ECOHIVE b’ investiment ta’ €500 miljun - li bħalissa qed jinbena - "se jkun qed ikompli jtejjeb il-prestazzjoni tal-pajjiż f’dan is-settur."

More in Politika