Il-paga medja bħalissa hija ta' €1,730 fix-xahar - Is-settur finanzjarju l-aktar li jħallas

Dawn iċ-ċifri ħarġu mill-Labour Force Survey li juri kif fit-tieni kwart tal-2022 kien hawn b'kollox 280,469 persuna f'impjieg li jirrapreżentaw 62.4% ta' dawk kollha minn 15-il sena 'l fuq

Ċifri maħruġin mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) juru illi fit-tieni kwart tal-2022 il-paga bażika medja f'Malta kienet ta' €1,730 fix-xahar, bis-settur finanzjarju jkun dak li fih hemm  - bħala medja - l-ogħla pagi. 

Ħarsa aktar estensiva turi kemm huma l-pagi medji bażiċi kull xahar, f'diversi setturi. Fl-Armata hija ta' €1,829 - bl-ogħla pagi imbgħad ikunu dawk l-impjiegi li huma fil-livell ta' Management u anke Professjonisti, b'pagi medji kull xahar ta' €2,760 u €2,304 rispettivament. Minn naħa l-oħra l-inqas pagi huma ta' €1,128 fix-xahar għal impjiegi elementari, €1,287 għal machine operators u ħaddiema tal-fabbriki, €1,289 fix-xahar għal dawk li jaħdmu fl-oqsma tax-xogħol tal-idejn u snajja u medja ta' €1,215 għal ħaddiema li jaħdmu fil-qasam tal-bejgħ bl-imnut u servizzi. Ħaddiema klerikali jaqilgħu medja ta' €1,315 u persuni li jaħdmu bħala tekniċi għandhom pagi medji bażiċi ta' €1,676.

Interessanti - għalkemm mhux sorprendenti - huwa l-fatt li l-irġiel għandhom paga medja li hija €163 aktar fix-xahar, minn dik tan-nisa.

Dawn iċ-ċifri ħarġu mill-Labour Force Survey li juri kif fit-tieni kwart tal-2022 kien hawn b'kollox 280,469 persuna f'impjieg li jirrapreżenta 62.4% ta' dawk kollha minn 15-il sena 'l fuq. Dawk li mhumiex f'impjieg - li jinkludi allura studenti u anke pensjonanti  - jgħoddu għal total ta' 160,726 persuna. L-ogħla persentaġġ ta' nies li qegħdin f'impjieg huma dawk bejn 25 u 54 sena fejn 90.8% għandhom xogħol, li tinżel għal 78% fil-każ ta' dawk bejn 15 u 64 sena. 

B'kollox kienu 235,792 persuna li kienet f'impjieg full time bejn April u Ġunju 2022, filwaqt li 35,176 kienu f'impjieg part time. 

Il-bejgħ bl-imnut, trasportazzjoni, akkomodazzjoni u servizzi relatati mal-ikel, flimkien kienu l-aktar grupp li jħaddem nies f'Malta b'69,921 jew 28.7% tal-ħaddiema kollha f'Malta. Il-kostruzzjoni waħedha iżda tħaddem b'kollox 17,039 persuna. 

L-amministrazzjoni pubblika, difiża, edukazzjoni, saħħa u servizzi soċjali - grupp li fih hemm maġġoranza ta' nies li huma ħaddiema tal-Gvern - jgħoddu flimkien 69,854 ħaddiem ieħor. L-inqas settur li jħaddem nies huwa l-agrikolura u s-sajd, fejn jaħdmu biss 2,076 persuna. 

More in Politika