L-MHRA tipponta subgħajha lejn is-Sindku Belti u tgħid li l-avviż legali dwar il-mużika għandu jkun sospiż

L-MHRA qalet illi għalkemm tappoġġja l-kunċett ta' attività kummerċjali fil-Belt Valletta, sostniet illi ma taqbilx mal-mod kif dan qed isir bħalissa għax qalet li qed jagħmel ħsara lit-turiżmu fil-Belt Valletta, minħabba l-istorbju sas-sigħat bikrin ta' filgħodu...

L-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u Ristoranti (MHRA) sejħet bħala "kummenti mhux eżatti" dawk tas-Sindku Alfred Zammit dwar il-mużika matul il-lejl fil-Belt Valletta, wara Avviż Legali introdott mill-Gvern li jippermetti illi l-mużika fuq barra tibqa' tindaqq sas-1:00 a.m.

Ara hawnhekk x'qal Zammit f'intervista mal-gazzetta ILLUM u li trattat ukoll din il-materja. 

L-MHRA qalet illi għalkemm tappoġġja l-kunċett ta' attività kummerċjali fil-Belt Valletta, sostniet illi ma taqbilx mal-mod kif dan qed isir bħalissa għax qalet li qed "jagħmel ħsara lit-turiżmu fil-Belt Valletta, "minħabba l-istorbju sas-sigħat bikrin ta' filgħodu." L-Assoċjazzjoni qalet illi skont informazzjoni li qed tirċievi din hija partikolarment realtà fi tmiem il-ġimgħa fejn qalet li ċerti toroq saru "kkaraterizzati minn kaos ta' mużika amplifikata, tgħajjat." Kompliet tgħid fi stqarrija li dan qed iwassal għal ħafna ilmenti u talbiet għall-kumpens minn turisti li qed joqgħodu f'lukandi fil-Belt Valletta. 

L-MHRA qalet illi l-istil u l-metodu ta' divertiment li qed ikun promoss "taħt it-tmexxija tas-Sindku tikkontradixxi l-ħidma biex il-Belt Valletta issir destinazzjoni ta' livell għoli," komplliet tgħid l-istqarrija. 

Għalhekk l-MHRA reġgħet talbet lill-Gvern biex jissospendi u jagħmel ri-evalwazzjoni tal-avviż legali introdott ftit ġimgħat ilu. 

More in Politika